Iktar dwar il-mafja f’Malta
Taljani f’Malta biex joħorġu flushom barra l-Italja. Jidher b'hekk li Malta hija waħda mill-għażliet tal-mafja Taljana.
More in Qrati u Pulizija
Taljani f’Malta biex joħorġu flushom barra l-Italja. Jidher b'hekk li Malta hija waħda mill-għażliet tal-mafja Taljana.
“Il-Pulizija Maltija taħdem fuq kull informazzjoni li jista’ jkollha dwar il-mafja” dan sostnieh il-Ministru Manuel Mallia f’kumment mal-ILLUM wara l-arrest din il-ġimgħa ta’ Sebastiano Brunno, wieħed mill-kapijiet tal-mafja Siċiljana li kien ilu maħrub minn taħt idejn il-Pulizija Taljana għal dawn l-aħħar ħames snin.
Il-Ministru Mallia qal li l-Pulizija qed tinvestiga wkoll kull sors ieħor disponibbli dwar organizzazzjonijiet kriminali oħra meta din ikollha xi informazzjoni. “Din issir permezz ta’ ftehim ta’ koperazzjoni bejn il-pajjiżi affiljati fl-Interpol fejn Malta ilna affiljati mill-1972” qal Mallia. Żied li “L-arrest ta’ mexxej mafjuż Taljan uriet kemm din il-koperazzjoni qed tirnexxi.”
Il-Ministru spjega li l-ftehim ta’ koperazzjoni jiskatta meta l-każ ikun relatat ma’ xi pajjiż Ewropew jew dawk il-pajjiżi li għandhom ftehim ta’ koperazzjoni mal-Europol bħan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u oħrajn, kif ukoll dawk il-pajjiżi li għandhom ftehim strateġiku mal-istess aġenzija.
“Xogħol ieħor siewi ta’ koperazzjoni jsir ukoll mill-uffiċċju tas-Sirene li hu l-uffiċċju li jikkomunika ma’ pajjiżi tax-Schengen f’dawk li huma alerti u fejn Malta bdiet l-operazzjonijiet tagħha mill-2007 qabel ma ssieħbet fiż-żona Schengen” temm jgħid Mallia.
Ftit tal-ġimgħat ilu dan il-ġurnal żvela li fl-ajruport ta’ Sqallija kienu nqabdu madwar 200 persuna li bejniethom kienu qed jippruvaw joħorġu madwar miljun ewro minn Sqallija biex jaħarbu mit-taxxi fiskali tal-pajjiż u jinvestuhom hawn Malta. F’kelma waħda ħasil tal-flus fejn il-flus kontanti kienu qed jinħbew f’kotba u basktijiet tat-tfal. Dawn li nqabdu biss.
F’Awwissu li għadda Aldo Giunta wieħed mill-kapijiet tal-Camorra kien arrestat eżatt qabel rikeb il-katamaran lejn Malta filwaqt li din il-ġimgħa kellna l-arrest ta’ Sebastiano Brunno wieħed mill-kapijiet tal-mafja Siċiljana.
Barra hekk hu fatt magħruf li diversi negozjanti Taljani qed jiftħu xi ristoranti f’Malta u wara biss sitt xhur dawn qed jingħalqu bi skuża li ma jkunux sejrin tajjeb. Minn sorsi Taljani li nistgħu noqogħdu fuqhom qalulna li dawn it-Taljani m’huma koki xejn iżda nies li jivvintaw negozju f’Malta biex ikunu jistgħu joħorġu flushom u jinvestuhom barra l-Italja. Meta jirnexxielhom jagħmlu dan jgħalqu n-negozju li jkunu fetħu.
Dawn kollha jagħtu indikazzjoni li diversi Taljani qed jużaw Malta biex jaħslu flushom, fejn normalment dawn il-flus ikunu ġew minn negozju klandestin, bħal Mafia u Camorra. Anke li jinqabdu żewġ kapijiet tal-mafja fi żmien xahrejn, wieħed li kien ġej Malta u l-ieħor li ma nafux kemm-il sena ilu jgħix hawn b’dokumenti foloz ifisser ukoll li l-id tal-mafja tista’ qed taħdem minn din il-gżira mingħajr wisq pressjoni fuqhom, għax f’Malta dawn in-nies m’humiex magħrufa u jidher li l-lenti tagħhom tinsab fuq gżiritna.
Anke l-fatt ta’ diversi delitti ta’ persuni magħrufa fid-dinja kriminali Maltija fuq stil ta’ ‘hit’ professjonali wkoll jagħti x’wieħed jifhem li dawn l-assassinji għandhom timbru mafjuż fihom, anke jekk din hi biss spekulazzjoni. Għalkemm m’hemmx dubju li Malta tinsab fil-lenti tal-mafja.
Mhux faċli li l-awtoritajiet jinterċettaw dan kollu, għax wara kollox dan kollu li qed insemmu hu biss dak li nqabad, x’hawn għaddej minn taħt u kemm hawn membri tal-mafja, Cosa Nostra u Camorra ħadd ma jista’ jgħid. Lanqas x’qed jaħmu minn din il-gżira f’eventwalità li dawn qed joperaw minn Malta ma wieħed jista’ jsir jaf.
Il-ftehim tax-Schengen ikompli jagħmilha aktar diffiċli għal pajjiż li jkollu kontroll ta’ min jidħol f’Malta. U dan il-fatt jidher li qed jinkwieta pajjiżi bħall-Awstrija anke jekk ir-raġuni hi differenti u l-problema tagħhom huma l-immigranti irregolari aktar milli nies mafjużi. L-Awstrija fil-fatt qed tistudja l-eventwalità li tissospendi temporanjament it-trattat ta’ Schengen mal-Italja. Dan wara li ġew interċettati madwar 5,000 klandestin fuq il-fruntiera mal-Italja qed jippruvaw jaqsmu lejn l-Awstrija. Dis-sena klandestini maqbuda fl-Awstrija kienu ta’ 4,700 persuna u kważi kollha reġgħu ntbagħtu lura lejn l-Italja. Minn dan l-ammont kollu 300 biss talbu l-ażil politiku fl-Awstrija.
F’dan iż-żmien fejn is-sigurtà ta’ kull pajjiż Ewropew hi f’riskju ż-żona Schengen tista’ tkun ta’ detriment għas-sigurtà tal-pajjiż għax bħalma jidħol kap ta’ mafja m’hemm xejn xi jżomm li jidħol terrorist. Ħafna qed jistaqsu jekk wasalx iż-żmien li ż-żona Schengen tiġi mwaqqfa temporanjament.