Il-Partit Laburista se jorganizza l-kungress tiegħu bejn il-Ħadd 12 ta’ April u l-Ġimgħa 17 ta’ April, bil-għan li jiġu approvati l-linji gwida għall-manifest elettorali.
L-aħbar tħabbret mid-Deputat Mexxej Alex Agius Saliba u l-President tal-partit Alex Sciberras permezz ta’ xandira fuq Facebook, li għaliha l-midja ma kinitx mistiedna. Dan minkejja li waqt l-istess xandira saret referenza għal partit li jippromwovi d-djalogu u l-konsultazzjoni.
Il-kungress, bit-tema “Malta Aqwa”, se jiftaħ f’Għawdex b’attività li fiha l-Prim Ministru se jwieġeb mistoqsijiet mill-pubbliku. Fil-jiem ta’ wara se jsiru laqgħat mal-membri u d-delegati, filwaqt li nhar l-Erbgħa filgħodu se jiġi organizzat business breakfast mal-imsieħba soċjali.
Il-programm jinkludi wkoll ħames workshops nhar il-Ħamis, fejn se jkunu mistiedna rappreżentanti tas-soċjetà ċivili biex jressqu l-opinjonijiet u l-proposti tagħhom.
Il-kungress se jintemm nhar il-Ġimgħa filgħaxija fiċ-Ċentru tal-Konvenzjonijiet f’Ta’ Qali, b’diskors mistenni mill-Prim Ministru.
Agius Saliba spjega li skont l-istatut tal-partit, il-kungress irid isir sa sena qabel l-elezzjoni biex jiġu stabbiliti l-linji gwida tal-manifest. Huwa nnota li l-aħħar data possibbli għall-elezzjoni hija fi żmien 11-il xahar.
Madankollu, qed jiżdiedu l-ispekulazzjonijiet li elezzjoni ġenerali tista’ tissejjaħ fil-ġimgħat li ġejjin, bil-23 ta’ Mejju jissemma bħala data possibbli. Dawn ix-xnigħat huma msaħħa minn kampanja viżibbli tal-partit madwar il-pajjiż u żieda fl-attività tal-kandidati fid-distretti elettorali.
Il-Prim Ministru Robert Abela kien diġà ta indikazzjonijiet indiretti dwar elezzjoni possibbli waqt diskors riċenti ta’ Jum il-Ħelsien, filwaqt li l-istess organizzazzjoni tal-kungress qed titqies bħala sinjal li l-elezzjoni tista’ tkun fil-qrib.