Il-Parlament Ewropew approva pakkett ta’ riforma dwar ir-regoli tal-ivvjaġġar, li jippermetti lill-konsumaturi jikkanċellaw vjaġġi f’ċirkostanzi straordinarji u jirċievu rifużjoni immedjata.
Ir-riformi ġew innegozjati mill-MEP Laburista Alex Agius Saliba u se jirregolaw l-użu tal-vawċers. Dawn se jibqgħu volontarji iżda l-konsumaturi għandhom ukoll id-dritt li jirrifjutawhom u jitolbu rifużjoni fi żmien 14-il jum.
Taħt ir-regoli l-ġodda, il-vawċers għandhom jibqgħu validi għal massimu ta’ 12-il xahar, u wara dan kwalunkwe kreditu mhux użat irid jintradd lua. Dawn il-vawċers jistgħu jintużaw għal kwalunkwe servizz tal-ivvjaġġar offrut mill-organizzatur u huma protetti minn garanziji ta’ insolvenza.
“Issa għandek id-dritt li tikkanċella l-vjaġġ tiegħek u tirċievi rifużjoni,” qal Agius Saliba, filwaqt li speċifika li “l-vawċers huma għodda tajba, iżda jibqgħu volontarji u mhux obbligatorji”.
Il-leġiżlazzjoni tintroduċi mekkaniżmu obbligatorju għall-immaniġġjar tal-ilmenti. Kull organizzatur irid jistabbilixxi sistema sabiex jimmaniġġja l-ilmenti u jipprovdi tweġiba dettaljata fi żmien 60 jum.
Id-direttivi aġġornati jirriformaw deċiżjoni preċedenti tal-Unjoni Ewropea fl-2025, illi ppermettiet lill-konsumaturi jikkanċellaw pakketti tal-ivvjaġġar. Dan segwa xokkijiet fl-industrija kkawżati minn massa ta' kanċellazzjonijiet matul il-pandemija tal-COVID-19, li ħallew eluf ta’ nies mitluqin u jitħabtu biex jiksbu rifużjonijiet.