Alex Borg jipproponi mekaniżmu għal meta ma jkunx hemm qbil fuq il-ħatra ta' Prim Imħallef

F'post fuq Facebook nhar is-Sibt wara nofsinhar, Alex Borg jitkellem fuq l-istaġnar fil-ħatra tal-prim imħallef u l-ittra ta' Wenzu Mintoff

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg ikkumenta fuq il-kwistjoni kurrenti tal-prim imħallef, fejn ippropona mekaniżmu għal meta ma jkunx hemm qbil (anti-deadlock mechanism) "li għad irrid jiġi maqbul bejn iż-żewġ naħat" waqt li l-Prim Imħallef attwali jżomm postu, u qal li dan il-mekaniżmu se tkun fil-programm elettorali tal-PN.

L-idea ta' din il-mekaniżmu kien diġa' ġie introdott għall-pożizzjoni tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, fejn jekk ma jkunx hemm qbil ta' żewġ terzi wara żewġ voti, d-deċiżjoni tista tintlaħaq b'maġġoranza sempliċi. Din kienet daħlet fis-seħħ wara li l-gvern u l-Oppożizzjoni ma setgħux jaqblu fuq min se jokkupa dan l-irwol wara r-riżenja ta' George Hyzler. 

Borg qal li l-oppożizzjoni qatt ma semgħet risposta fuq l-ismijiet kollha li ssemmew u anqas raġuni. "Ir-risposta tal-gvern kienet dejjem tkun isem ieħor, b'mod pubbliku u irrisponsabbli," qal Borg. Il-PN ikkritika l-gvern mill-bidu fuq il-fatt li ppubblikaw in-nomini tagħhom għal din il-kariga, kemm dik tal-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kif ukoll dik tal-Imħallef Miriam Hayman. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-korrespondenza li saret bejn il-Prim Ministru u "tal-inqas wieħed mill-Imħallfin immsemija" kienet att ta; traskuraġni kif ukoll turi ksir fl-ettika, referenza għall-ittra tal-Imħallef Wenzu Mintoff fejn qal li l-Prim Ministru Robert Abela ltaqa' miegħu u kien ikellmu wkoll fuq Whatsapp. Hu kkjarifika li hu qatt fil-kapaċita' tiegħu ma tkellem mal-ebda imħallef fuq din il-biċċa.

Borg esprima xokk għad-dettalji li ħarġu din il-ġimgħa mill-istess ittra ta' Mintoff, fejn fl-istess nifs Borg qal li dan, flimkien mal-inkonsistenza, juri li din il-kwistjoni għall-Prim Ministru hija "kalkolu politiku". Hu akkużah li sfratta l-proċess tal-għażla ta' Prim Imħallef għal skoppijiet partiġjani. 

More in Politika