Il-Kummissjoni Ewropea rrifjutat li tistabbilixxi mekkaniżmu ġdid ta’ finanzjament sabiex tespandi l-aċċess għall-abort madwar l-Ewropa, minkejja proposta appoġġjata minn kważi 1.2 miljun ċittadin Ewropew permezz tal-inizjattiva bl-isem 'My Voice, My Choice'.
Permezz ta’ deċiżjoni nhar il-Ħamis fi Brussell, il-Kummissjoni qalet li "ma kienx neċessarju li tipproponi strument legali ġdid," peress li l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea diġà seta’ jingħata permezz ta’ fondi. Hija rreferiet lill-istati membri għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE+), fond ta’ €142.7 biljun użat fil-biċċa l-kbira sabiex jappoġġja s-servizzi tal-impjiegi u l-benessri, li l-pajjiżi jistgħu jużaw, jekk ikunu konformi mal-liġijiet nazzjonali tagħhom, sabiex jgħinu lin-nisa jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom bl-għan illi jagħmlu abort.
L-inizjattiva 'My Voice, My Choice', illi tmexxiet minn ċittadini Ewropej minn madwar il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, appellat lill-Unjoni Ewropea sabiex tniedi skema finanzjarja volontarja sabiex tgħin lin-nisa li ma jistgħux jaċċessaw l-abort f’pajjiżhom u li jagħżlu li jivvjaġġaw lejn wieħed fejn jistgħu. Il-Parlament Ewropew ivvota sabiex jappoġġja l-inizjattiva f’Diċembru, għalkemm xi Membri tal-Parlament Ewropew argumentaw li kienet f’kunflitt mar-regoli tal-UE u nazzjonali.
F’Diċembru li għadda, il-Membri tal-Parlament Ewropew approvaw inizjattiva mmexxija minn ċittadini Ewropej sabiex jittejjeb l-aċċess għall-abort għan-nisa fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ mekkaniżmu volontarju ta' solidarjetà finanzjarja.
Adottat bi 358 vot favur, 202 vot kontra u 79 astensjoni, il-mozzjoni tħeġġeġ lill-Kummissjoni, skont il-proposta ‘My Voice My Choice’, sabiex toħloq mekkaniżmu finanzjarju madwar l-Unjoni Ewropea appoġġjat minn fondi Ewropej. Dan jippermetti lill-istati membri sabiex jipprovdu aċċess sigur u legali għall-abort skont il-liġijiet tagħhom lil dawk li m’għandhomx tali aċċess.
L-MEPs Laburisti Thomas Bajada u Daniel Attard astjenew, filwaqt li l-MEP Laburista Alex Agius Saliba u l-MEPs Nazzjonalisti Peter Agius u David Casa vvutaw kontra.
“L-FSE+ jista’ jappoġġja l-isforzi ta’ dawn l-istati membri, filwaqt li jagħtihom awtonomija biex jiddeterminaw kif u taħt liema kundizzjonijiet se jiġi pprovdut aċċess għal abort sikur u legali,” qalet il-Kummissjoni.
Il-koordinatur ta’ My Voice, My Choice, Nika Kovač laqgħet id-deċiżjoni, u rreferiet għaliha bħala “rebħa għan-nisa fl-Ewropa.”
“Għall-ewwel darba, il-Kummissjoni tikkonferma li l-fondi tal-UE jistgħu jintużaw sabiex jiggarantixxu aċċess għal kura ta’ abort sigur, partikolarment għan-nisa f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, irrispettivament minn fejn jiġu fl-Ewropa,” qalet. "Dan mhux simboliku. Huwa impenn politiku għad-drittijiet tan-nisa."
Id-deċiżjoni ġiet ippreżentata lill-organizzaturi tal-inizjattiva mill-Kummissarju għall-Ugwaljanza Hadja Lahbib, li l-grupp qal li ppreżentatha bħala "iva ċara" għat-talbiet tagħhom. Kovač qalet li l-organizzaturi kienu partikolarment kuntenti li l-mekkaniżmu mhux biss seta' jintuża sabiex jiffinanzja s-servizzi mediċi, iżda wkoll l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, xi ħaġa li hija ddeskriviet bħala speċjalment importanti f'sitwazzjonijiet ta' theddida għall-ħajja li jeħtieġu assistenza urġenti.
Il-grupp kien diżappuntat li ma ġewx impenjati fondi ġodda. "Il-prijorita' tagħna hija r-riżultati għan-nisa, mhux il-forma legali," qalet Kovač, filwaqt li ħeġġet lill-Kummissjoni sabiex tagħti struzzjonijiet ċari lill-istati membri dwar l-użu tal-fondi tal-Unjoni Ewropea u sabiex toħloq pjattaforma ta' informazzjoni għall-pazjenti.
L-istati membri li jixtiequ jużaw l-FSE+ għall-aċċess għall-abort jistgħu l-ewwel ikollhom bżonn jemendaw il-programmi eżistenti tagħhom taħt il-fond.
Grupp ta' lobbying kontra l-abort 'serjament imħasseb' bid-deċiżjoni
F'Malta, il-Life Network Foundation qalet li kienet serjament imħassba bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-grupp argumenta li l-permess lill-Istati Membri biex jużaw il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) sabiex jiffaċilitaw l-ivvjaġġar għall-abort jirriskja li jfassal mill-ġdid l-iskop oriġinali tal-fond.
Imwaqqaf sabiex jippromwovi l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-appoġġ għal persuni vulnerabbli, il-FSE "ma nħoloqx sabiex jissussidja servizzi tal-abort jew ivvjaġġar minn stat membru għall-ieħor sabiex isir l-abort," qalet id-dikjarazzjoni. Wissiet li tali użu tal-finanzjament tal-Unjoni Ewropea jbiddel fundamentalment l-ispirtu u l-intenzjoni tal-programm mingħajr dak li ddeskriviet bħala kunsens demokratiku xieraq.
Ħeġġet lill-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali sabiex jipprijoritizzaw il-kura tal-maternita', l-assistenza finanzjarja, il-konsulenza u l-appoġġ prattiku għan-nisa tqal minflok ma jallokaw fondi pubbliċi biex jiffaċilitaw l-abort barra mill-pajjiż.
L-organizzazzjoni appellat ukoll lill-gvern Malti biex jiċċara jekk għandux l-intenzjoni li juża r-riżorsi tal-Unjoni Ewropea sabiex jiffinanzja l-ivvjaġġar għall-abort fid-dawl tat-tħabbira tal-Kummissjoni.