Il-Prim Ministru Robert Abela ċaħad li huwa kien daħal fi ftehim mal-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg sabiex l-ismijiet tal-kandidati għall-Prim Imħallef ma jiġux pubblikament żvelati u diskussi.
Nhar il-Ħamis, Borg esprima "diżappunt" għad-deċiżjoni tal-Prim Ministru sabiex jippubblika n-nomina tal-gvern għall-Prim Imħallef. Il-Kap tal-Oppożizzjoni allega li l-isem tal-kandidata magħżula għall-pożizzjoni ta Prim Imħallef sar pubbliku minkejja li ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar il-persuna u stieden lil Abela sabiex jitkomplew id-diskussjonijiet.
Fi tweġiba b'ittra tiegħu stess, Abela ċaħad li ftiehem ma' Borg sabiex l-ismijiet tan-nominati ma jiġux diskussi pubblikament. Huwa qal illi l-Oppożizzjoni kienet taf bin-nomina ta' Scerri Herrera mit-12 ta' Jannar, u żied jgħid li kien fl-interess pubbliku li jiġi żvelat in-nominat tal-gvern.
Abela kompla jgħid lil Borg illi huwa jirrispetta l-kunfidenzjalita' tat-taħditiet bejn it-tnejn, hekk kif żvela li Borg kellu diffikultajiet sabiex jikkonvinċi "partijiet terzi" dwar in-nominat tal-gvern. Il-Prim Ministru qal li diffikultajiet bħal dawn m'għandhomx ikunu raġuni sabiex tiġi rrifjutata n-nomina.
Abela sostna li għadu miftuħ għal iktar diskussjonijiet, filwaqt illi afferma mill-ġdid illi Consuelo Scerri Herrera għandha l-kwalitajiet meħtieġa sabiex tinħatar Prim Imħallef.
Aktar kmieni nhar il-Ġimgħa, il-Kamra tal-Avukati wissiet li l-ħatra tal-Prim Imħallef taf issir ippolitiċizzata jekk l-ismijiet tal-kandidati jsiru pubbliċi qabel ma jkun hemm qbil.
Minħabba s-sensittivita' u l-importanza tar-rwol, il-kamra qalet illi qiegħda tistenna li l-partiti politiċi jilħqu ftehim dwar nominat wieħed qabel ma l-kwistjoni tidħol fid-dominju pubbliku. Jekk il-partiti politiċi jagħmlu mod ieħor, wissiet il-kamra, qegħdin joħolqu r-riskju li ħatra daqshekk delikata ssir suġġetta sabiex issir strument politiku.
Sadanittant, tard nhar il-Ġimgħa filgħaxija, Alex Borg wieġeb għall-ittra ta' Abela billi enfasizza miegħu li l-ismijiet potenzjali għal ħatriet bħal dawn qatt m'għandhom jinbidlu fi kwistjoni politika jew jiġu diskussi pubblikament.
Borg innota li dan il-prinċipju ġie enfasizzat mill-Kamra tal-Avukati. Il-Kap tal-Oppożizzjoni mill-ġdid reġa’ stieden lil Abela biex jitkomplew id-diskussjoni b’mod serju, riservat, u kostruttiv.