'Patt imxajtan', jgħid Momentum fuq id-dħul potenzjali ta' Malta fil-Bord tal-Paċi ta' Trump
Il-Partit Momentum u l-ADPD jikkritikaw l-idea ta' Malta fil-Bord tal-Paċi ta' Trump
More in Politika
Il-Partit Momentum u l-ADPD jikkritikaw l-idea ta' Malta fil-Bord tal-Paċi ta' Trump
L-ADPD u l-Partit Momentum ħarġu bi ħġarhom kontra l-idea li Malta tissieħeb fil-Bord tal-Paċi ta' Trump.
"Il-Prim Ministru bis-serjeta'?" bdiet l-istqarrija ta' Momentum fuq din il-biċċa, wara li l-Prim Ministru Robert Abela saħaq fil-parlament ilbieraħ li qed jikkonsidra li Malta tissieħeb fil-Bord tal-Paċi ta' Trump. Dan il-bord huwa maħsub minn ħafna bħala grupp politiku intergovernattiv li se jkun rivali għall-Ġnus Maqgħuda (NU) wara li l-amministrazzjoni ta' Trump irtirat l-impenn tagħha lejn 31 organizzazzjoni tal-NU u naqset l-appoġġ finanzjarju għal numru ta' organi oħra tal-NU.
Momentum iddiskriviet dan il-board bħala wieħed taċ-ċajt, hekk kif hemm numri ta' mexxejja awtokratiċi li jiffurmaw parti minnu inkluż l-president Russu Vladimir Putin u l-prim ministru tal-Iżrael Benjamin Netanyahu. Iċ-Chairperson tal-partit Arnold Cassola qal li skont iċ-charter ta' dan il-bord, l-ebda membru m'għandu poter ħlief iċ-chairperson Donald Trump. L-istess charter jgħid li Donald Trump huwa u se jkun iċ-Chairperson għal ħajtu fil-kapaċita' personali tiegħu, u sabiex membru jissieħeb fil-bord irid l-ewwel nett iħallas biljun dollaru Amerikan, u s-sħubija tiġi mġedda wara tliet snin, taħt id-diskrizzjoni ta' Trump.
L-ADPD ukoll kellu xi jgħid fuq din il-kwistjoni fejn qalu li "tal-mistħija u skandaluż" li Robert Abela qiegħed jikkonsidra s-sħubija ta' Malta f'dan il-bord li huma ddiskrivew bħala "proġett skifuż ta' Trump".
Il-partit qajjem il-punt li din il-proposta ġġib magħha mistoqsijiet fuq il-pożizzjoni ta' Malta fil-fora diplomatika kif ukoll l-irwol ta' Malta fil-kriżijiet mondjali kurrenti, speċjalment meta l-President għall-ħajja tal-bord huwa l-individwu li skonthom iffaċilita l-forniment ta' missili u armamenti Amerikani li kienu instrumentali fil-qerda ta' Gaża u l-ġenoċidju kontra n-nies tal-istess Gaża.
Il-President tal-ADPD f'stqarrija konġunta mas-Segretrju Internazzjonali tal-partit qalu li jisperaw li l-Partit Laburista jkollu "l-bajd proverbjali" li jirrifjuta li Malta tagħti flus lil Trump sabiex ikompli jeqred Gaża. "L-hekk imsejjaħ Bord tal-Paċi huwa t-tentattiv ta' Trump biex mingħalih jifforma Nazzjonijiet Uniti oħra, imma mmexxi mill-biljunarji u s-saħħa tal-flus aktar milli fuq il-bażi tal-liġi internazzjonali," qalu ż-żewġ politikanti.