Malta u stati kostali oħra jridu jkomplu jaħdmu biex iwaqqfu x-“shadow fleet” tar-Russja, jgħid Borg

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg enfasizza l-importanza ta’ infurzar b’saħħtu kontra prattiċi marittimi qarrieqa, inkluża x-“shadow fleet” Russa, waqt li kien qed jindirizza l-Konferenza Annwali tal-Malta Sanctions Monitoring Board

(Ritratt: DOI/ODPM-MFT)
(Ritratt: DOI/ODPM-MFT)

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg saħaq fuq l-importanza ta’ infurzar b’saħħtu kontra prattiċi marittimi qarrieqa, inkluża l-“shadow fleet” tar-Russja.

Borg kien qed jiftaħ il-Konferenza Annwali tal-Malta Sanctions Monitoring Board fil-Belt Valletta, it-Tnejn filgħodu. Dan l-infurzar, spjega hu, jeħtieġ miżuri kkoordinati, legali u mmirati biex jiġi evitat l-aċċirament tas-sanzjonijiet, filwaqt li jinżamm ir-rispett lejn id-dritt marittimu internazzjonali u tiġi mħarsa l-kummerċ leġittimu.

Borg enfasizza l-impenn ta’ Malta, bħala Stat Membru tal-UE u tan-NU u bħala ġurisdizzjoni marittima responsabbli, biex tissaħħaħ is-sorveljanza, il-konformità u l-kooperazzjoni skont il-qafas tas-sanzjonijiet internazzjonali u Ewropej.

Huwa qal li r-rekwiżiti regolatorji li qed jevolvu u l-iżviluppi ġeopolitiċi qed jibdlu x-xenarju globali tas-sanzjonijiet, u qed iqiegħdu responsabbiltajiet akbar fuq Malta mhux biss bħala Stat Membru tal-UE u tan-NU, iżda wkoll bħala ġurisdizzjoni marittima u bħala parteċipant affidabbli fis-sistema finanzjarja internazzjonali.

“L-aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna tibqa’ theddida serja għas-sigurtà Ewropea, u wasslet għal pakketti suċċessivi ta’ sanzjonijiet mill-UE mmirati biex iċaħħdu l-aċċess għal teknoloġiji ta’ użu doppju u dawk rilevanti għall-iskopijiet militari,” żied Borg.

Id-Deputat Prim Ministru qal li f’dan ir-rigward Malta kompliet iżżid l-isforzi tagħha, b’monitoraġġ akbar tal-istorja tal-vapuri, il-merkanzija, is-sjieda benefiċjarja u l-konformità mal-AIS, filwaqt li xejriet u ġurisdizzjonijiet ta’ riskju għoli qed jiġu soġġetti għal skrutinju aktar intensiv. Malta kompliet ukoll turi tmexxija billi stabbiliet iċ-Ċentru Globali għall-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet Marittimi fil-Belt Valletta, li sar pjattaforma essenzjali għal azzjoni kkoordinata biex jiġi żarmat il-mudell kummerċjali li jsostni x-“shadow fleet”.

Id-Deputat Prim Ministru faħħar lill-Sanctions Monitoring Board talli saħħaħ l-involviment tiegħu mal-awtoritajiet relevanti u mal-partijiet interessati privati, u pprovda gwida operattiva aktar ċara lejn implimentazzjoni konsistenti.

Huwa enfasizza wkoll ir-rwol kruċjali tas-settur privat.

“Mill-istituzzjonijiet finanzjarji u l-fornituri ta’ servizzi korporattivi, sal-operaturi marittimi, tal-avjazzjoni, tal-gaming u tal-fintech, id-deċiżjonijiet ta’ kuljum tagħkom jipproteġu direttament is-sigurtà nazzjonali ta’ Malta u r-reputazzjoni internazzjonali tagħha. Il-kredibbiltà u r-reżiljenza tagħna jiddependu fuq l-impenn kollettiv tagħna biex naġixxu b’mod deċiżiv u responsabbli f’dinja dejjem aktar instabbli,” temm jgħid.

Aktar minn 250 parti interessata ħadu sehem fil-Konferenza tal-Malta Sanctions Monitoring Board ta’ din is-sena, li laqqgħet flimkien awtoritajiet pubbliċi, is-settur privat u esperti internazzjonali, taħt it-tema The Malta Sanctions Compliance Nexus 3.0: Compliance in Motion, Reform, Risk and Sector Resilience.

More in Politika