Bil-Filmat | Is-Sindku tal-Birgu jakkuża lil Roderick Galdes li kien jaf li l-binja se tiġġarraf
Binja fil-Birgu taqa’ wara snin ta’ twissija mill-Kunsill Lokali, emails mingħand is-Sindku jixhdu li Galdes m’għamel xejn
minn Ilenia Debono
Nhar l-Erbgħa lejlet l-ewwel tas-sena sfrondat binja tal-Awtorità tal-Ippjanar fit-Triq L-Antika l-Birgu. Is-Sibt filgħodu ġew żvelati emails kemm mingħand il-kunsill lokali kif ukoll mingħand residenti mħassba lill-Ministru sabiex isir xi ħaġa fuq din il-binja.
F’kumment esklussiv ma’ din il-gazzetta, is-Sindku Boxall qal li din is-sitwazzjoni kienet ilha ġejja, minn żmien amministrazzjoni Nazzjonalista fejn il-kunsill kien wissihom ukoll. “Fortunatament ma weġga’ ħadd. Kieku waqgħet il-faċċata kollha kienet tkun storja oħra,” saħaq Boxall hekk kif irrimarka li l-ħtiġijiet tar-residenti tal-Birgu qed jaqgħu fuq widnejn torox.
Fi stqarrija maħruġa is-Sibt wara nofsinhar, il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabli ċaħad l-allegazzjonijiet li saru mill-Oppożizzjoni mhux dak li qalu r-residenti mal-midja. Il-Ministeru qal li ttieħdu miżuri preventivi bħall-installazzjoni ta’ scaffolding mal-faċċata tal-binja li kienu kruċjali sabiex ma jkunx hemm iżjed aċċidenti.
Il-Ministeru saħaq li bħalissa għaddejja investigazzjoni interna wara l-kawża tal-inċident fejn ċediet l-apramorta. L-istqarrija qalet li kien hemm interventi immedjati fuq il-post tal-inċident. L-istess ministeru qal li din il-binja ilha snin twal inabitabbli u li issa qed titieħed azzjoni konkreta.
L-ewwel komunikat sar mis-Sindku Laburista tal-Birgu John Boxall li bagħat email f’Lulju tal-2023 fejn fakkar lill-Ministru fuq il-konferenza stampa li kien għamel fejn wiegħed li se jirrestawra t-tali binja u talbu sabiex iżomm kelmtu.
F’Ġunju tal-2024, numru ta’ residenti bagħtu email lill-ministru kif ukoll tkellmu ma’ uffiċjali tal-ministeru, tal-awtorità u anke ma’ nies tad-Dipartiment tal-Health and Safety. Dawn ir-residenti nnutaw li ġebel kien qed jaqa’ minn dan id-dar, u anke ilma dieħel fi djar oħra minħabba l-problemi li qed tikkawża l-istruttura mkissra.
“Li ġara llum matul il-lejl, kienet xorti tajba li ma mitux nies,” kiteb Boxall lil Galdes f’lejlet l-Ewwel tas-Sena flimkien ma’ ritratti tal-binja mwaqqgħa.
Kien f’Settembru tal-2024 fejn Galdes wieġeb waħda mill-emails tar-residenti fejn qal li l-Awtorità tad-Djar hija infurmata u għamlet l-ispezzjonijiet meħtieġa. “Kif diġà mħabbar, il-proġett maħsub qiegħed fil-proċess tal-ippjanar biex jinbeda x-xogħol meħtieġ,” ikkjarifika Galdes.
Ir-resident li kien qed jitkellem ma’ Galdes u li żvela l-aħbar mal-media Maltija saħaq li hu diġà kkumissjona żewġ bennejja minn flusu li qalulu li l-binja qiegħda f’riskju serju li tiġġarraf u fil-fatt diġà waqa’ biċċa minn ħajt.
Kien hemm applikazzjoni minn kumpanija responsabbli mill-bini ta’ proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali (mal-PA fuq dan is-sit sabiex din il-binja tinbidel fi tliet appartamenti b’kamra tas-sodda f’waħda fl-2014. Il-permess ġie mogħti b’data ta’ skadenza sal-2020, u ma ġara xejn sal-2020. Għalhekk fl-2019 ġie sottomess applikazzjoni sabiex jiġġedded il-permess tal-aħħar, li ġie approvat ukoll. Madankollu, fl-2023 ġiet sottomessa applikazzjoni sabiex din il-binja titkisser, tiġi rrestawrata l-faċċata u l-bini tal-appartamenti, applikazzjoni li ġiet irtirata qabel ma rat id-dawl tax-xemx.
