Momentum tikxef li servizz ta' ferry kien ppjanat qabel ma sar studju ta' fattibbilita'

Rapport li ġie ppubblikat wara talba ta' FOI mingħand Mark Camilleri Gambin jikxef il-kronoloġija moħbija tal-proġett

Fi stqarrija li ħarġet it-Tlieta filgħodu, il-partit Momentum qal li t-Transport Malta ppubblikka rapport għal servizz ta' fast ferry minn Marsaskala sal-Belt Valletta li sar qabel l-istudju ta' fattibbilita'.

Momentum spjega li dan ir-rapport juri li l-gvern kien diġa' beda jaħdem fuq il-proġett minn qabel kien ċert li dan il-proġett mhux se jkollu effett negattiv fuq il-madwar, inkwiet li kellhom ir-residenti ta' Marsaskala f'Awwissu li għadha rigward deċiżjoni li allegatament saret mingħajr konsultazzjoni u stadju ta' investigazzjoni. Il-partit ċentrist qal ukoll li avolja r-rapport, li sar mill-kumpanija tal-awditjar Grant Thornton, pprova jiġġustifika dan il-proġett minn aspett kummerċjali, revista ta' dan id-dokument juri li hemm kwistjonijiet jaħarqu rigward l-ambjent, infrastrutura u affarijiet ta' loġistika.

L-istqarrija tkellmet fuq kif l-istess rapport jonqos milli jindirizza ċertu problemi f'oqsma differenti bħal jekk id-diżin partikolari tal-vettura tal-baħar se taffettwa s-seabed u speċi tal-baħar oħra jew l-effetti fuq l-ekoloġija delikata li tinsab taħt il-port. Kwistjonijiet oħra li ma spjegax r-rapport huma l-ġranet ta' meta s-servizz mhux se jopera minħabba n-natura partikolari tal-bajja ta' Marsaskala, l-impatt li se jkollu fuq is-sajjieda u għawwiema tal-madwar, nuqqas ta' assessjar għal mezzi alternativi bħal rotta ta' tallinja bejn Marsaskala u l-ferry ta' Bormla għall-Belt.

Il-partit issottolinja informazzjoni oħra nieqsa mir-rapport eżempju fejn se jipparkja il-karozzi ta' dawk li se jużaw il-ferry kif ukoll nuqqas dejta nieqsa rigward il-pjanijiet ta' arkitettura għat-terminal u l-promenda, pjanijiet strutturali għall-promenda imkisra u nuqqas ta' referenza għas-survey ta' Vincent Marmara mit-talba tal-FOI ta' Momentum.

Is-Segretarju Ġenerali Mark Camilleri Gambin li għamel it-talba tal-Liberta' għall-Informazzjoni (FOI) qal li dan ir-rapport offra iżjed mistoqsijiet milli soluzzjonijiet. "Id-diskrepanza fil-kronoloġija u n-nuqqas ta' dejta kritika rigward l-impatt ambjentali, loġistika ta' parkeġġ, u sigurta' struturali jissuġġerixxu li l-proġett għandu għeruq politiċi milli ppjanar xieraq."

More in Politika