Filwaqt li eks deputat Nazzjonalista li kien ukoll Segretarju Parlamentari responsabbli mil-Lands fil-gvern ta’ Lawrence Gonzi qed jattakka lill-Ministru Roderick Galdes, li qiegħed appik li jitkeċċa minn ministru, l-Avukat Ġenerali għandha quddiemha inkjesta miftuħa u serja kontra Jason Azzopardi.
L-inkjesta nfetħet wara rapport li kien sar dwar is-sehem ta’ Jason Azzopardi rigward plottijiet f’Raħal il-Ġdid. L-inkjesta kienet infetħet quddiem il-Maġistrat Monica Vella. Liema inkjesta baqgħet miftuħa u bir-riforma l-ġdida fl-inkjesti marret għand l-Avukat Ġenerali biex tiddeċiedi jekk l-inkjesta miftuħa tiġi assenjata lil maġistrat ieħor, tgħaddi għand il-pulizija jew inkella tingħalaq. Li huwa ċert li l-akkużi li waslu għall-inkjesta huma serjissimi u dan jafu Jason Azzopardi.
Azzopardi bħal f’ħafna episodji, jippreżenta lilu nnifsu bħala xi paladin tas-sewwa meta infatti l-istorja tiegħu hija ġrajja ta’ ipokrezija u double standards. Filwaqt li l-istejjer ta’ Roderick Galdes huma veritieri u serji wkoll, il-problema tal-kritika hi li ġejjin minn persuna li aħjar toqgħod kwieta u ma tgħid xejn.
Azzopardi meta attakka lil Galdes dwar id-dikjarazzjonijiet tiegħu nesa x’għamel meta ħeba l-flus li kellu meta kien qed jissepera minn mal-mara. Storja li anki kixfet li kellu mijiet ta’ eluf fil-bank meta kien qed jistqarr li kien jiddependi biss fuq dħul minimu.
Fi ħdan il-Partit Nazzjonalista reġa’ hemm dwejjaq li l-ġlieda politika fuq Roderick Galdes tittieħed minn Jason Azzopardi u l-argumenti politiċi jiddgħajfu minħabba n-nuqqas ta’ kredibbiltà tal-Eks Deputat Nazzjonalista.
(ara editorjal paġna 11)