X’seħħ, x’qed jiġri, u x’se jsir: L-ewwel 100 jum ta’ Alex Borg

Tliet xhur ta’ proposti, kwistjonijiet, u wegħdiet 

 

Nhar it-Tnejn 15 ta’ Diċembru Alex Borg għalaq 100 ġurnata fl-irwol tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Il-gazzetta ILLUM ħarset lura fuq dawn it-tliet xhur u rat kemm Alex Borg żamm kelmtu u x’għamel. 

L-iżjed ħaġa memorabbli mit-terminu ta’ Borg hija l-pubblikazzjoni tal-kontijiet tal-Partit Nazzjonalista mill-2021 sal-2024. L-aħħar kontijiet li ħarġu kienu fl-2020, daqqa kbira lejn il-kredibbilità tal-Partit li qed jaspira sabiex ikun fil-gvern.  

Borg kien ħabbar li se jlaħħaq kumitat għall-awditjar li se jkun attrezzat b’tim ta’ nies kompetenti fis-settur finanzjarju “sabiex jimmassimizzaw id-dħul mill-assi tal-Partit.” Qal ukoll li dan il-kumitat se jagħmel ristrutturar tal-organu tal-media tal-PN, il-Media Link Communications. Borg kien qal darba wara l-oħra li jrid jevita li l-Partit ikollu jbigħ xi każin jew assi oħra, kif ġara fl-2023 l-unika sena mill-kontijiet ippubblikati riċentament fejn il-Partit irreġistra surplus.  

Minbarra l-kumitat, Borg appunta rwol ġdid ta’ Kap Eżekuttiv, rwol li ħaditu Sabine Agius Cabourdin. Il-Kap Eżekuttiv mhuwiex irwol politiku jew imħallas, imma wieħed kummerċjali u finanzjarju. L-ikbar prijorità ta’ Agius Cabourdin s’issa kienet li jiġu ppubblikati l-kontijiet tal-Partit. 

Minbarra l-irwol tal-Kap Eżekuttiv, Borg ħabbar li jrid jintroduċi l-irwol tat-tieni viċi kap tal-Partit, b’kap minnhom jiffoka fuq affarijiet parlamentari u ieħor fuq affarijiet tal-Partit. Dan kien diġà fis-seħħ qabel l-2020, meta għaddew emendi tal-istatut tal-Partit sabiex ikun hemm viċi kap wieħed.  

Huwa ħalla l-marka tiegħu fuq il-Partit bil-portafolli ġodda li ngħataw lid-deputati Nazzjonalisti, speċifikament l-introduzzjoni ta’ temi ġodda fil-portafolli bħas-solitudni, newrodiverġenza u l-Intelliġenza Artifiċjali. 

Borg kien ċert li ma jagħmilx għedewwa anke fil-kamp tiegħu stess, meta ta l-portafoll tal-finanzi lil Adrian Delia u tal-Infrastruttura lil Bernard Grech. Dan anke meta ħa pass li mhux ħafna qablu miegħu; il-pass li fetaħ il-bibien għal veterani tal-partit li m’għadhomx fil-partit bħal Edwin Vassallo. 

Borg ħareġ b’ċerti proposti avangardisti li ħafna stkerrhuhom, ngħidu aħna l-fond ta’ fiduċja għal kull wild. Borg qal li Gvern Nazzjonalista se jintroduċi dak li qed jissejjaħ bħala Fond ta’ Fiduċja għat-Tfal (Child Trust Fund) għal kull tarbija mwielda minn residenti Maltin. Is-sistema se tara lill-gvern jinvesti €5,000 bħala kapital inizjali fit-twelid, bil-ġenituri jew il-kustodji jkollhom l-għażla li jagħmlu kontribuzzjonijiet volontarji addizzjonali. 

Proposta oħra li kienet kontroversjali meta qalha Alex Borg kienet dik tal-four day work week. Minbarra din, kien hemm l-idea tal-poddata tal-partit, li meta tnieda l-crowdfunding għaliha, is-sit diġitali kraxxja bl-ammont ta’ donazzjonijiet li daħlu (skont Borg); idea li l-Partit Laburista saħaq li l-PN seraq mingħandu.  

Waqt l-avveniment taċ-ċelebrazzjoni tal-100 jum, Borg qal li tal-inqas 3,000 membru ġdid issieħeb mal-Partit minn mindu ħa r-riedni tal-Partit f’idejh. Hu ħabbar li fi Frar tal-2026, il-Partit se jorganizza konvenzjoni nazzjonali li fiha se tinbena l-viżjoni tal-PN fil-gvern. 

More in Politika