Il-borom mikxufa: il-finanzi tal-Partit Nazzjonalista

 

Id-dejn veru tal-Partit Nazzjonalista ġie żvelat wara snin 

Grafika viżwali tad-defiċit tal-PN matul is-snin skont l-informazzjoni mill-kontijiet ippubblikati
Grafika viżwali tad-defiċit tal-PN matul is-snin skont l-informazzjoni mill-kontijiet ippubblikati

 

Id-defiċit attwali tal-Partit Nazzjonalista huwa €737,733 skont il-kontijiet tal-Partit Nazzjonalista ppubblikati minn Alex Borg wara l-għeluq tal-100 jum fiż-żarbun ta’ kap. 

Borg, flimkien ma’ delegazzjoni mill-partit, ippreżentaw il-kontijiet ta’ dawn l-aħħar erba’ snin lill-Kummissjoni Elettorali li kienu awditjati mill-Awditur Ryan Borg, li għadu kif fetaħ kumpanija tal-awditjar f’Għawdex proprju f’Settembru ta’ din is-sena. 

Attwalment id-defiċit qiegħed €737,733, id-donazzjonijiet jammontaw għal €1,455,446, waqt li l-flus mit-tesseri jitilgħu għal €97,588. L-ikbar spiża li ra l-partit fl-2024 kienu spejjeż fuq il-ħaddiema. 

Il-kontijiet jgħidu storja waħedhom hekk kif mill-2020 sal-2022 id-defiċit żdied b’rata mgħaġġla. 

Fl-2020, il-partit kien qiegħed b’defiċit ta’ €526,649, riżultat ta’ tnaqqis fil-valur ta’ numru ta’ assi tal-partit li ammonta għal €644,409 fost affarijiet oħra li kielu l-€128,202 surplus tal-partit. Id-defiċit ġie elenkat b’€100,268 ta’ deprezzament, €395,025 f’pagi u €31,023 f’bolol tal-ħaddiema. Id-defiċit fl-2021 tela’ għal €1,129,941 bl-ikbar spiża ta’ €560,859 fuq infiq fuq ħaddiema. 

L-ikbar ammont ta’ dħul għall-partit fl-2020 kienu donazzjonijiet monetarji b’€49,125 f’donazzjonijiet minn negozji u €964,145 f’donazzjonijiet minn individwi. It-tesseri ammontaw għal qligħ ta’ €173,425. Għal darb’oħra fl-2021, l-ikbar introjtu ġie mid-donazzjonijiet b’€1,278,624 u €145,350 f’tesseri. 

Fl-2022, id-defiċit reġa’ żdied għal €1,326,210 mis-sena ta’ qabel, bid-donazzjonijiet jiżdiedu għal €1,848,652 u t-tesseri jerġgħu jonqsu għal €129,644.  

Madankollu fl-2023, il-partit irreġistra surplus ta’ €863,517 avolja d-donazzjonijiet naqsu għal €947,607 u l-ħlas mit-tesseri niżlu għal €83,166. Ma’ dawn naqsu wkoll l-ispejjeż tal-ħaddiema għal €361,455. Din iż-żieda fil-finanzi ġiet grazzi għall-bejgħ ta’ proprjetajiet bi qligħ ta’ €1,283,776. 

L-aħħar stqarrijiet finanzjarji tal-partit ħarġu fl-2020, jiġifieri għaddew ħames snin u laħaq inbidel il-kap darbtejn minn mindu dawn il-kontijiet raw id-dawl. Meta l-Eks Kap Bernard Grech kien mistoqsi fuq din il-kwistjoni, huwa weħħel fl-awditur u qal li l-partit għamel il-biċċa tiegħu u li issa kollox f’idejn l-awditur. 

Borg kien indirizza din il-problema minn qabel ma laħaq kap. Kien qal li se jlaħħaq kumitat għall-awditjar li se jkun attrezzat b’tim ta’ nies kompetenti fis-settur finanzjarju “sabiex jimmassimizzaw id-dħul mill-assi tal-partit“. Qal ukoll li dan il-kumitat se jagħmel ristrutturar tal-organu tal-midja tal-PN, il-Media Link Communications.  

Hu kien tkellem fuq iċ-ċedoli li se jagħlqu f’Marzu tal-2026 li għandu jkun hemm pjan sabiex dawn ma jiġux “rolled over” u jkun hemm garanzija għalihom. Barra minn hekk, Borg ħoloq l-irwol tal-Kap Eżekuttiv tal-Partit, bl-ewwel persuna li libset dan il-mantell hija Sabine Agius Cabourdin li għandha responsabbiltajiet kummerċjali u finanzjarji, rwol bla paga. 

 

More in Politika