Il-Partit Nazzjonalista jippubblika l-kontijiet awditjati wara snin ta' taqtigħ ta' qalb

Nhar il-100 jum ta' Alex Borg fis-siġġu ta' Kap tal-PN, jiġu ppubblikati l-kontijiet tal-PN mill-2021 sal-2024

Il-Preżentazzjoni tal-kontijiet (Ritratt: Partit Nazzjonalista)
Il-Preżentazzjoni tal-kontijiet (Ritratt: Partit Nazzjonalista)

Ir-rapporti finanzjarji awditjat għas-snin 2021-2024 approvati mill-Kunsill Amministrattiv tal-PN ġew preżentati lill-Kummissjoni Elettorali nhar il-100 jum ta' Alex Borg bħala Kap tal-partit.

Il-kontijiet kienu ppreżentati mis-Segretarju Ġenerali Charles Bonello, it-Teżorier Vernoice Perici Calascione u mill-Kap Eżekuttiv Sabine Agius Cabourdin.

L-aħħar kontijiet tal-partit ħarġu fl-2020 taħt Bernard Grech. Din il-kwistjoni kienet fost l-iżjed waħda inkwetanti għal partit, speċjalment fil-qasam ta' dejn, wara snin ta' kappijiet iweħlu f'xulxin. Grech kien qal li l-partit għamel il-biċċa tiegħu u x-xogħol tal-awditur għad fadal. Borg kien wiegħed li se jindirizza din il-problema minn qabel ma laħaq kap, fejn kien qal li dawn id-dokumenti se jiġu ppubblikati mal-100 jum ta' Borg.

Fost l-iżjed ċifri jaħarqu u mistennija li joħorġu minn dawn id-dokumenti huma dawk tad-dejn u d-defiċit tal-partit, ċifri li ilhom iwerwru kapijiet preċedenti. Il-preżentazzjoni ta' dawn il-kontijiet ġiet propju l-għada ta' ġabra storika għall-PN fejn ġabru €730,384 b'€100,000 donazzjoni mingħand id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia.

Borg illum mistenni li jagħmel konferenza tal-aħbarijiet rigward l-għeluq tal-100 jum tiegħu fil-kariga fuq l-istazzjoni NET TV.

More in Politika