Roderick Galdes iżolat imma xorta waħda m’hemmx sinjal li se jitlaq

Attivisti Nazzjonalisti jiċċelebraw wara li s-Siġġiewi reġa’ dar għall-PN fl-elezzjonijiet tal-kunsill lokali tal-2024 

Il-Ministru Roderick Galdes huwa mdorri jsib ruħu f’kontroversji kbar. Iżda fl-aħħar kontroversja jinsab iżolat u l-uniku raġuni għaliex il-Prim Ministru Robert Abela jidher li mhux se jneħħih minn postu hija għax jidher li ma riedx ipaxxi lill-kap tal-PN Alex Borg.  

Galdes, li ntwera li għandu ruxxmata proprjetajiet minkejja l-paga miżera tiegħu, qed jiġi akkużat mill-media li kiser kull forma ta’ etika meta xtara bi prezz redikolu proprjetà f’Għawdex għall-prezz miżeru ta’ €140,000 minn kumpanja fejn hemm Joe Portelli u oħrajn. L-ispekulatur u l-megamiljunarju Joe Portelli sikwit jiftaħar li hu viċin il-politiċi u jagħmel li jrid. Imma l-problema mhux biss li Galdes għandu proprjetajiet, fosthom fi Sqallija, f’Malta u fl-Ingilterra, u jaqla’ inqas minn €50,000 fis-sena bħala Ministru, imma iktar serja minn hekk hi li proprjetajiet ta’ Portelli f’Għawdex qed jingħataw għall-bżonnijiet soċjali. Mhux hekk biss, bonds biex jiġu żviluppati dawn l-appartamenti soċjali qed jużaw il-proprjetajiet u l-kirjiet mill-Gvern bħala sigurtà.  

Jekk qed tfittex każ flagranti kif negozjant qed jiġi aġevolat mill-Gvern, żgur dan huwa l-każ perfett. 

Borg diġà nsista li l-Ministru Galdes għandu jirriżenja, imma l-istorja ta’ Galdes tikxef problema akbar.  

Dan il-għaliex Marlene Mizzi, li kienet iċ-Chairperson tal-Malita Investments u li taqa’ taħt Galdes, f’messaġġ fuq il-media soċjali akkużat lil Galdes li kien qed idur u jilgħaq il-kuntratturi. Mizzi tneħħiet mill-kariga ta’ chairperson b’mod xejn dekoruż. 

L-Eks Deputat Parlamentari Laburista fl-Ewropa hija magħrufa għall-mod żbukkat u dirett. Mizzi, b’li ddikjarat, poġġiet lil Galdes fin-nar sew. Il-Malita Investments ġiet mogħtija sfida impossibbli mill-amministrazzjoni tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat biex isservi ta’ strument finanzjarju biex suppost tiffinanzja l-binjiet soċjali — imma l-istruttura finanzjarja tal-Malita tidher li falliet bil-kbir għax ma kienx hemm biżżejjed dħul mill-kirjiet ta’ binjiet taħt il-kappa tagħha. U biex tgħaxxaqha, il-Kap Eżekuttiv tal-Malita Investments Johann Farrugia rriżenja mill-kariga tiegħu wkoll. Dan kollu jkompli jpoġġi aktar pressjoni fuq Galdes. 

F’dawn l-aħħar snin, b’mod speċjali mill-elezzjoni tal-2022 ’l hawn, Galdes telqulu bosta nies. U ħafna mir-rivali tiegħu tal-istess partit mhuma juru l-ebda simpatija għal dan l-aħħar episodju. Fil-Partit Laburista, Galdes huwa kkunsidrat bħala politiku bla kariżma u deskritt minn ħafna bħala bozza tal-elf — deskrizzjoni biex tagħti l-impressjoni li persuna mhi impressjonanti xejn.  

L-istorja ta’ Galdes kompliet tieħu daqqa ’l isfel fl-2024, fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali. Dakinhar, il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Partit Laburista li rreġistra kważi mitt resident fi proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi, li kien għadu qed jinbena u mhux lest. 

Il-PN kien iddeskriva l-każ bħala użu sistematiku ħażin tal-akkomodazzjoni soċjali, u ndħil fl-elezzjoni tal-kunsilli lokali ta’ Ġunju 2024. 

Fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali tal-2019 il-Partit Laburista kien rebaħ is-Siġġiewi għall-ewwel darba fl-istorja tal-elezzjonijiet lokali, b’vantaġġ ta’ 70 vot. Imma fl-elezzjoni tal-2024, il-PN rebaħ is-Siġġiewi lura b’maġġoranza sostanzjali. Persuni magħrufa bħala votanti Laburisti u ta’ Galdes kienu ngħataw units li lanqas ma kellhom bieb ta’ barra jew servizzi tad-dawl jew tal-ilma. 

Żewġ terzi tal-individwi rreġistrati bħala residenti fis-sit kienu minn Ħal Qormi, li huwa d-distrett ikkontestat mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni stess, Roderick Galdes. Minkejja dan l-iskandlu u r-riżultat elettorali tal-2024, Galdes baqa’ f’postu u l-mistoqsija trid tkun sakemm ħa jibqa’ ttollerat bħala Ministru tal-kabinett ta’ Abela. 

More in Politika