Il-Kamra tal-Kummerċ appellat għal Public Procurement Reform wara l-iżviluppli fil-kumpanija Malita Investments plc, hekk kif dawn it-tip ta' sitwazzjonijiet jitolbu għal qafas ta' prokura pubblika robust, trasparenti u responsabbli.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-eks MPE Laburista Marlene Mizzi stqaret pubblikament li t-tneħħija tagħha mill-irwol ta' chairperson tal-kumpanija Malita fl-2024 seħħ wara argument li kellha mal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes rigward l-"interferenza" ta' Galdes fil-kumpanija. Il-kumpanija ċaħdet dawn l-akkużi nhar l-Erbgħa wara nofsinhar.
Il-Kamra, li ilha tenfassiza l-bżonn ta' din ir-riforma mill-2021, qalet li din tneħħi kull dubju fuq proċessi ta' prokura pubblika. "Kull ewro f' infiq pubbliku għandu jiġi gvernat minn regoli ċari, superviżjoni effettiva u ettika li jissalvgwardja l-interess tal-pubbliku u jassigura l-valur tat-taxxi tan-nies waqt li jassiguraw wkoll ugwalita għal kulħadd."
Barra minn hekk, fl-istess komunikat il-Kamra qalet li d-demarkazzjoni ċara bejn deċiżjonijiet politiċi li jittieħdu fuq livell ministerjali u responsabbilta amministrattiva tas-servizz ċivili hija essenzjali. Hi tat l-eżempju ta' meta kumpanija għandha tinbiegħa lis-settur privat, deċiżjoni li anke jekk kienet waħda politika, wara li titieħed il-proċessi kompetitivi u l-għażla tal-kuntratturi għandha tkun "kompletament deċiżjoni fuq kompetenza eżekuttiva li għandha tittieħed b'mod professjonali, imparzjali u independenti."
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kamra tal-Kummerċ jiffukkaw fuq qafas ta' governanza ċara li tifred id-deċiżjoni politika fil-prokura pubblika, punnlikazzjoni ta' prevedibbilta' fil-prokura aċċessibbli pubblikament mill-inqas sitt xhur bil-quddiem u tkopri l-entitajiet u d-dipartiment kollha tal-gvern, konsultazzjonijiet sistematika preliminari għad-disinjar tad-dokumenti tat-tenders u skrutinju aktar b'saħħtu tal-ordnijiet diretti u tal-varjazzjonijiet fil-kuntratti, b’dokumentazzjoni u ġustifikazzjoni sħiħa, kif ukoll rimedji effettivi kontra prattiki abbużivi.
Il-Kamra ħeġġet lill-gvern, il-parlament u l-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha sabiex jittrattaw ir-riforma tal-prokura pubblika bħala "prijorita' nazzjonali immedjata, mhux bħala aspirazzjoni fit-tul."