Joseph Muscat iwissi lill-Labour: 'Tissottovalutawx lil Borg bħalma għamel miegħi l-PN'

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat iwissi lill-Labour li jkun ħażin li jissottovaluta lill-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg

Joseph Muscat wissa lill-Partit Laburista biex ma jaqax fl-istess nassa li, skontu, waqa’ fiha l-Partit Nazzjonalista meta naqqasu li jagħtu kas lilu u lill- Alfred Sant. F’intervista fuq il-programm XRAY fuq ONE, imxandar minn Amanda Spiteri Grech, Muscat qal li l-Labour għandu joqgħod attent kif iħares lejn il-kap tal-PN, Alex Borg.

Muscat sostna li wieħed mill-iżbalji storiċi tal-PN kien li ma ħax bis-serjetà lill-avversarji tiegħu. “Il-parir tiegħi lill-Partit Laburista dwar Alex Borg hu li ma jonqsux milli jagħtu kasu.

“Dikjarazzjonijiet mhux studjati”

Dwar Borg, Muscat qal li kien “diżappuntat” b’ċerti dikjarazzjonijiet tiegħu, fosthom fuq il-ġimgħa ta’ erbat ijiem u l-mediċini ġeneriċi, jgħid li l-mod kif saru wera nuqqas ta’ studju fil-proposti. Skontu, il-kap tal-PN għandu jevita li “jispara” meta jagħmel proposti politiċi.

Madankollu, Muscat ammetta li l-pożizzjoni ta’ Borg mhix faċli: “Ejja nkunu ġusti. Li tmexxi partit politiku f’età żgħira mhix ħaġa sempliċi. Trid ħin biex tadatta, speċjalment meta tinqata’ direttament fil-fond bħal ma ġara lil Borg.”

Mistoqsi dwar il-paragun li qed isir bejn it-tnejn, Muscat sostna li mhux se jidħol f’dan u ħalla l-ġudizzju f’idejn il-poplu.

Relazzjonijiet mal-eks mexxejja tal-PN

Muscat iddeskriva r-relazzjoni tiegħu mal-eks PM Lawrence Gonzi bħala waħda li, minkejja l-kunflitt politiku, kienet bażata fuq rispett u kapaċità li “joqogħdu bilqiegħda u jsolvu l-affarijiet”.

Dwar Simon Busuttil, l-eks PM qal li r-relazzjoni tagħhom marret għall-agħar wara li t-tnejn irritornaw minn Brussell. Biss fakkar li Busuttil u David Casa kienu fost l-ewwel li żaru lill-familja tiegħu l-isptar meta twieldu wliedu.

Fuq Adrian Delia, Muscat qal li kien evidenti li kellu r-rieda li jwettaq riformi, iżda ma tħalliex jagħmel dan minn ċerti persuni ġewwa l-partit. “Kieku tħalla jaħdem, kien ikun effettiv ħafna,” sostna.

Muscat jilqa’ r-ruling tal-ICC dwar l-isptarijiet

Muscat laqa’ d-deċiżjoni tat-tribunal tal-ICC dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, li sabet li l-Gvern kellu jħassar il-kuntratt b’mod ġust u li Steward fadallu x’ihallas b’aktar minn €5 miljun. “Mhux biss ma sraqniex flus, imma għadhom għandhom jagħtuna €5 miljun,” qal Muscat, li bħalissa jinsab mixli b’ħasil ta’ flus, frodi, korruzzjoni u akkużi oħra relatati mal-istess konċessjoni.

Hu sostna li l-kuntratt kien “trasparenti u awditjat”, u ċaħad li l-Gvern kien ta flus lil Steward jew Vitals biex jirranġaw l-isptarijiet. Skontu, ix-xogħol kien suppost jibda meta l-kumpaniji jdaħħlu l-kapital tagħhom – xi ħaġa li qatt ma seħħet, b’Muscat jgħid li għalkemm kien hemm parti minn tort tagħhom, kien hemm ukoll “konfużjoni intenzjjonata” li xekklithom. 

Muscat qal ukoll li s-servizzi pprovduti taħt il-konċessjoni kienu jiswew €63 miljun aktar kieku saru f’Mater Dei, argument li ilu jagħmel b’mod konsistenti fid-difiża tiegħu tal-ftehim tal-isptarijiet.

Proċessi kriminali għaddejjin

L-eks Prim Ministru, li rreżenja fl-2019 fost protesti nazzjonali kbar wara l-arrest ta’ Yorgen Fenech, reġa’ ddefenda lilu nnifsu mill-akkużi kriminali li qed jaffaċċja, jisħaq li qed jiġi akkużat bbażat fuq allegazzjonijiet foloz li jħammġu ismu. “Insib ruħi l-Qorti għax, skont xi wħud, ġew misruqa flus u xi parti minnhom ingħatat lili. Dawn kollha gideb,” qal.

More in Politika