Abela: “L-aqwa budget fl-istorja – l-ekonomija Maltija sejra ‘full speed ahead’

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan kien “l-aqwa budget fl-istorja”, b’aktar għajnuna għall-ħaddiema, il-pensjonanti u l-familji.

F’diskors li ddeskrivieh bħala sinjal ta’ fiduċja u kuraġġ, Abela qal li dan il-budget juri l-fidi tal-Gvern fil-potenzjal tal-poplu Malti u Għawdxi. “Aħna nħobbu lil Malta u lill-Għawdxin. Dan huwa budget li jagħti xi ħaġa lill kull ħaddiem u negozjant. 

Il-Prim Ministru elenka numru ta’ miżuri ekonomiċi u soċjali, fosthom żidiet fil-pensjonijiet, fl-allowance tat-tfal u fl-istipendji. “Erġajna żidna l-pensjonijiet, il-children’s allowance u l-istipendji – u dan hu biss il-bidu,” qal. “Ma nistgħux naċċettaw diskors li jgħid li l-ekonomija għandha tbatti. Le. Aħna se nibqgħu sejrin full speed ahead.”

Abela fakkar li fl-aħħar snin l-impjiegi żdiedu, in-negozji kibru u l-pajjiż ġibed lura żgħażagħ li kienu telqu fi żmien gvernijiet preċedenti. “Dawn ir-ritorni qed isiru għax l-ekonomija tagħna hija aktar b’saħħitha minn qatt qabel,” qal, waqt li saħaq li l-klima ta’ investiment f’Malta “hi l-aqwa f’dawn l-aħħar għaxar snin.”

Hu semma wkoll miżuri favur il-familji: tax refunds, in-work benefit, u tnaqqis tat-taxxa li se jħalli medja ta’ €900 fil-bwiet tal-familji. “Aħna ma nieqfux biss biex ngħinu lil min hu l-aktar fil-bżonn – irridu wkoll inħarsu lejn il-middle class,” tenna Abela.

Il-Prim Ministru rrimarka li din is-sena se tkun dik li fiha l-qagħad f’Malta niżel fl-iktar livell baxx storiku, u li l-Gvern se jħallas €35 miljun f’arretrati lis-settur tas-saħħa sal-aħħar tas-sena. “Biex pajjiżna jimxi ’l quddiem irridu nibnu fuq Malta tal-lum – b’rieda, mħabba u tama,” qal.

Abela reġa’ ta eżempju ta’ deċiżjoni ambjentali kuraġġuża meta ħabbar li ż-żona tal-White Rocks se tingħata lura lin-nies u tinbidel f’park nazzjonali, wara li għal snin twal kienet propost għal żvilupp. “Ebda gvern qabli ma kellu l-kuraġġ jieħu din id-deċiżjoni – imma aħna rridu nuru b’azzjonijiet kemm inħarsu l-ambjent,” qal.

Fl-istess diskors, Abela żvela li dan ix-xahar se tkun qed tibda tintuża t-trakka ta’ Ħal Far. Hu żied ukoll li se jinbena sptar ta’ 300 sodda għall-anzjani.

Id-diskors tiegħu ġie mfixkel diversi drabi mill-Oppożizzjoni, b’Adrian Delia jintalab joħroġ mill-kamra wara li l-Ispeaker wissieh biex iżomm l-ordni. Minkejja dan, Abela kompla jtenni li dan il-budget “mhuwiex wishlist, imma pjan realistiku li qed iħalli riżultati.”

Filwaqt li temm id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru ħabbar ukoll li fil-jiem li ġejjin se jlaqqa' l-Kabinett biex jiġi pjanat it-tħaddim tar-raba' vapur ta’ Għawdex , bħala pass ieħor biex jissaħħu l-konnessjonijiet bejn iż-żewġ gżejjer.

Il-Prim Ministru għalaq id-diskors tiegħu b’messaġġ ta’ unità u determinazzjoni:
“Dan kien l-aqwa budget għax għadna bl-istess pass u bl-istess entużjażmu ta’ meta bdejna. U sena oħra nerġgħu niġu b’budget aħjar. Jien ngħaqqad lil pajjiż irrid, mhux nifirdu."

More in Politika