Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li gvern Nazzjonalista diġa' naqqas it-taxxa b'€160 f'baġit ta' amministrazzjoni preċedenti "f'kuntestt ta' kriżi internazzjonali, f'żmien fejn €160 miljun kienu jiswew iżjed u b'popolazzjoni ferm inqas minn dik tal-lum."
Dan qalu Borg waqt id-diskors aggressiv tiegħu bħala r-risposta tal-Oppożizzjoni għall-baġit tal-ġimgħa l-oħra. Borg attakka numru ta' punti fil-baġit, inkluż il-miżura ewlenija tat-tnaqqis fir-rata tat-taxxa għal familji u koppji bit-tfal. Hu qal li bl-iżvilupp ekonomiku kollu li qed tgawdi minnu Malta, huwa stenna li jkun hemm nuqqas fit-taxxa għal kulħadd waqt li enfassiza li qas biss kien hemm nuqqas ta' taxxa għal intraprendituri lokali. Hu qal ukoll li din il-miżura tefgħet "familji differenti f'pożizzjoni fejn iħossuhom esklużi."
Simili ta' dak li qal Adrian Delia l-ġimgħa l-oħra fuq il-programm Xtra, Borg saħħaq fuq il-problema tad-dejn nazzjonali, kritika qawwija ta' gvern Laburista. Il-kap tal-PN qal li qabel ma laħaq Robert Abela bħala prim ministru, id-dejn kien ta' €5 biljun u sa' 2028 — skont il-kalkoli ta' Borg — id-dejn nazzjonali sa jilħaq €14 biljun.
Il-mexxej tal-PN tefa' botta fejn qal li "imbasta nagħmlu l-propaganda" fuq il-midja soċjali filwaqt li hemm ċertu problemi ma ġewx indirizzati fil-baġit inkluż nuqqas ta' niċċeċ ekonomiċi ġodda, kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalita' tal-ħajja tal-Maltin u akkuża li l-gvern ma jismax minn nies u ma jaħsibx fit-tul.
Għal darba oħra, Borg enfassiza fuq il-fatt li l-COLA hija intaxxata u talab li din ma tibqax, speċjalment meta wieħed jikkonsidra li kważi nofs iż-żieda fil-pensjoni ġejja mill-COLA.