Biża’ li r-risposta ta’ Alex Borg għall-baġit tal-Gvern tkun fjakka

Is-sens ta’ inkwiet fost in-Nazzjonalisti ta’ ġewwa tinħass, u hemm min qed jargumenta li jekk Borg ma jħallix marka fid-diskors tal-baġit, se jkun diffiċli għalih li jżomm il-momentum li kellu wara li ġie elett Kap tal-PN 

“Iż-żmien tal-honeymoon se jgħaddi daqt. Alex irid jitkellem inqas, jipproponi inqas u jagħti kas aktar x’inhu jipproponi.” Dan qalu x-shadow minister ewlieni tal-PN li kien inkwetat bil-proposta għal għarrieda tal-Kap Nazzjonalista dwar iż-żieda fis-salarju. 

“Din iż-żieda hija parti minn ftehim kollettiv li bih kull min hu fiċ-ċivil ibbenefika, lanqas hu komparabbli maż-żieda li kien għamel Gonzi wara dahar kulħadd qabel l-2013. Lil Abela mhux se tirbaħlu b’dawn l-affarijiet, tirbaħlu billi tattakkah fuq li m’għamel xejn fuq il-popolazzjoni, it-traffiku, u l-ambjent,” kompla jgħid. 

Hemm biża’ kbir fost in-Nazzjonalisti ta’ ġewwa li l-avvanzi politiċi li għamel Alex Borg fl-aħħar ġimgħat jitlifhom bid-diskors tal-baġit. Diskors li hemm stennija u kurżità b’mod speċjali minn dawk li qatt ma semgħu Alex Borg jitkellem fit-tul dwar temi fiskali. 

Is-sens ta’ inkwiet fost in-Nazzjonalisti ta’ ġewwa jinħass, u hemm min qed jargumenta li jekk Borg ma jħallix marka fid-diskors tal-baġit, se jkun diffiċli għalih li jżomm il-momentum li kellu wara li ġie elett Kap tal-PN. 

Kummentaturi oħra qalu lil din il-gazzetta li Borg irid joqgħod attent li ma jagħtix ma’ xiex jista’ jaqbad Robert Abela, il-four day week, kif ukoll il-proposta li jitnaqqas il-VAT għar-ristoranti – miżura li tfisser telf ta’ 80 miljun fi dħul – kollha jagħtu lill-Prim Ministru opportunità tad-deheb biex iballat lil Borg. 

Apparti huwa ċar li minkejja d-dikjarazzjoni ta’ paċi u ħbiberija bejn Adrian Delia u Alex Borg, mhux l-ewwel darba li fil-pubbliku ’l bogħod mill-kamera, Delia wera diżgwid ma’ Borg, fost oħrajn fuq din il-proposta ta’ Alex Borg li jirrifjuta ż-żieda fis-salarju. 

(Ara editorjal paġna 11). 

More in Politika