Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg talab lill-Prim Ministru Robert Abela biex minnufih jirtira ż-żieda ta’ €1,700 fix-xahar li ngħatat lil-sħabu l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari fil-Baġit il-ġdid.
F’reazzjoni fuq il-midja soċjali, Borg sostna li din iż-żieda “mhux aċċettabbli” meta l-poplu ngħata biss żieda ta’ €4.66 fil-għoli tal-ħajja – somma li fuqha l-ħaddiema xorta waħda se jħallsu t-taxxa.
“Ma nistax naqbel ma’ żieda bħal din meta n-nies qed jitħabtu biex ilaħħqu mal-ħajja ta’ kuljum,” qal Borg. Huwa żied jgħid li għalkemm iż-żieda tapplika wkoll għalih bħala Membru Parlamentari, “qatt ma ġie kkonsultat dwarha” u se jirrifjuta li jeħodha.
Borg spjega li diġà ta din il-pożizzjoni tiegħu lill-ġurnalisti ta’ Super One wara s-seduta parlamentari tal-bieraħ, iżda sostna li l-istazzjon “għażel li ma jirrapurtax dak li qal”.
“Appellajt lit-tim ta’ Super One biex ikunu serji fix-xogħol tagħhom u ma jaqdux aġenda ta’ gideb,” qal Borg. “Il-poplu jixraqlu l-verità, mhux propaganda.”
Il-Kap tal-PN akkuża lill-Partit Laburista li qed “jaħbi l-verità” u li “hu distakkat min-nies u mir-realtà.” Skont Borg, il-fatt li din il-miżura ma ġietx imħabbra b’mod trasparenti juri biċ-ċar li “il-Gvern jipprova jitfa’ dak li hu tiegħu fuq ħaddieħor.”
Żied jgħid li ż-żieda fil-pagi tal-politiċi ma tistax tiġi ġġustifikata taħt il-paraventu ta’ żidiet fis-settur pubbliku, għax “filwaqt li l-Gvern jagħti eluf lill-politiċi tiegħu, lill-ħaddiema jagħtihom żieda simbolika li fuqha għadhom jitħallsu t-taxxi.”
Il-kontroversja dwar iż-żieda fil-pagi tal-politiċi ħarġet fid-dieher wara li fil-baġit il-ġdid ġie rrappurtat li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari se jirċievu żieda ta’ madwar €1,700 fix-xahar.
Fi stqarrija b’reazzjoni għad-deċiżjoni ta’ Borg, il-Partit Laburista qal li Borg ilu jibbenefika minn dawn iż-żidiet minn mindu sar membru parlamentari. "Kieku tassew kellu kwistjoni magħhom, kien jitkellem dwarha mill-mument li ġie elett mill-poplu."
Il-partit irrimarka li d-deputati tiegħu se jkunu qed jirċievu l-istess żidiet perċentwali s-sena d-dieħla wkoll.
"L-unika żieda fis-salarju li qatt taw lilhom infushom il-ministri kienet taħt gvern Nazzjonalista. Fil-fatt, fi żmien meta kien qed jitlob lill-familji jagħmlu sagrifiċċji, il-gvern Nazzjonalista ppremja lilu nnifsu €500 żejda fil-ġimgħa."