Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, illum filgħodu kellha laqgħa ma’ Fleur Abela, li dalwaqt se tieħu r-rwol ta’ Kummissarju tal-Annimali, minflok Alison Bezzina.
Bugeja Said iddeskriviet lil Abela bħala persuna b’sfond legali b’saħħtu u b’imħabba kbira lejn l-annimali – kwalitajiet li qalet li se jgħinuha ħafna f’din il-kariga l-ġdida.
“Nemmen li flimkien nistgħu nkomplu naħdmu biex intejbu l-benesseri ta’ l-annimali kollha,” kitbet Bugeja Said.
Hija żiedet tgħid li ma kellhiex dubju li Fleur Abela se ġġib l-istess enerġija pożittiva li wriet waqt il-laqgħa tagħhom fir-responsabbiltajiet il-ġodda tagħha, u li se tibni fuq ix-xogħol importanti li għamlet Bezzina matul dawn l-aħħar ħames snin.
Bezzina, li kienet fil-kariga mill-2020, kisbet reputazzjoni bħala vuċi favur id-drittijiet tal-annimali – xi drabi anke meta kienet tikkonfronta l-pożizzjoni tal-gvern fuq ċerti kwistjonijiet. Bezzina qalet li ma ngħatatx raġuni għaliex il-kuntratt tagħha ma ġiex imġedded.