Cynthia Galea, avukat minn Għawdex u s-sieħba tal-eks kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, ħabbret li se tikkontesta għall-kariga ta’ membru fl-Eżekuttiv tal-PN.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali li ppubblikat nhar it-Tnejn filgħaxija, Galea qalet li temmen li l-bidla vera tista’ sseħħ biss jekk kulħadd jagħti s-sehem tiegħu. “Hu faċli tilmenta. Hu faċli tgħid x’għandu jsir. Imma jekk verament irridu l-bidla, kulħadd irid iressaq ‘il quddiem dak li jaf u dak li jemmen fih. Jien lesta nagħti s-sehem tiegħi,” kitbet.
Hija saħqet ukoll fuq il-ħtieġa li tinbena politika “aktar wiesgħa, aktar rappreżentattiva u tassew iffukata fuq in-nies” fil-qalba tal-Partit Nazzjonalista. Skont Galea, il-partit għandu jkun miftuħ għal firxa usa’ ta’ ideat u esperjenzi li jirriflettu tassew il-varjetà tan-nies li jservi.
Galea, li hi wkoll omm u professjonista fil-qasam legali, qalet li tixtieq toffri lill-Eżekuttiv il-perspettiva tagħha bħala mara Għawdxija u bħala avukat. “Nemmen li l-esperjenza personali u professjonali tiegħi tista’ tgħin biex inwasslu politika aktar qrib tan-nies u tas-sewwa soċjali,” qalet.
Il-partner tagħha, Adrian Delia, kien reċentement kkontesta għall-kariga ta’ kap tal-PN, iżda tilef l-elezzjoni kontra Alex Borg b’marġni ta’ 44 vot biss f’Settembru li għadda.