L-inkjesta nħatret wara lment li l-għażla ta’ Bartolo li jagħmel ir-riċeviment f’Manta by the Sea f’Tas-Sliema, kif ukoll l-użu ta’ vapuri tal-familja Zammit Tabona biex jittrasportaw il-mistiedna, qajmet tħassib etiku.
Iż-żewġ operaturi huma attivi fis-settur tat-turiżmu u tal-ospitalità, li kien jaqa’ taħt il-portafoll ministerjali ta’ Bartolo dak iż-żmien.
L-investigaturi eżaminaw jekk Bartolo bbenefikax minn trattament preferenzjali jew konċessjonijiet minn dawn l-operaturi. Dokumenti ppreżentati wrew li Bartolo u martu ħallsu €110,000 għar-riċeviment u €13,762.51 oħra għall-arranġamenti loġistiċi, inkluż l-użu ta’ żewġ vapuri.
Il-Kummissarju għall-Istandards ikkonkluda li dawn is-somom kienu sostanzjali u ma indikawx rati preferenzjali. Xhieda mill-kumpaniji involuti kkonfermat li l-ħlasijiet kienu skont il-prattika normali tal-industrija, mingħajr ebda sinjal ta’ skont jew konċessjoni mogħtija minħabba r-rwol ministerjali ta’ Bartolo.
Filwaqt li rrikonoxxa li l-post u l-fornituri tas-servizzi kienu jaqgħu taħt ir-regolamenti tas-settur tat-turiżmu, il-kummissarju sab li dan waħdu ma jikkostitwixxix kunflitt ta’ interess. Il-fattur deċiżiv kien jekk Bartolo rċieva vantaġġ mhux dovut — li skont ir-rapport, ma ġarax.
Ir-rapport għalhekk ċaħad l-ilment u kkonkluda li Bartolo ma kiserx l-istandards etiċi fir-rigward tal-arranġamenti tat-tieġ tiegħu.
Reazzjoni ta’ Bartolo
Fi stqarrija wara l-pubblikazzjoni tar-rapport, Bartolo qal li hu u martu sofrew akkużi infondati maħsuba biex jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tagħhom.
“Ftit iżjed minn sena ilu, propjament l-għada li jien u marti Amanda żżewwiġna, kien hemm min ħass li kellu jivvinta allegazzjoni u jtellaq pjan perikoluż ħafna li l-għan aħħari tiegħu kien li jkisser lili u lil familti,” qal.
Hu insista li r-rapport juri li kienu allegazzjonijiet intenzjonati biex jagħmlu ħsara personali.
“X’rimedji hemm għall-familji u l-qraba tagħna li għaddejtuhom minn martirju bla bżonn? Kull min tefa’ l-ġebla m’għandux jaħbi idu għax illum iktar minn qatt qabel ikun qiegħed juri kemm hu ġifa, iżda jrid jerfa’ r-responsabbilità politika għal għemilu,” qal.