Il-PN jagħżel kap ġdid illum

Illum il-Partit Nazzjonalista jagħżel il-kap il-ġdid tiegħu – u aħna nkunu mal-ewwel fuq il-post, b’xandir live dirett mill-Stamperija biex inwasslulkom kull mument, kull reazzjoni u kull żvilupp

 Illum, is-Sibt 6 ta’ Settembru, il-Partit Nazzjonalista jinsab fil-ġurnata deċiżiva tal-elezzjoni għall-kap il-ġdid tiegħu. Wara ġimgħat ta’ kampanja intensa u wara r-riżenja ta’ Bernard Grech f’Ġunju li għadda, madwar 20,000 tesserat tal-partit agħżlu bejn iż-żewġ kandidati finali: id-deputat żagħżugħ Alex Borg u l-eks kap Adrian Delia.

L-aħħar proċess tal-votazzjoni beda kmieni dalgħodu fil-ħinijiet stabbiliti mill-Kummissjoni Elettorali tal-PN, li fetħu fid-disa' ta’ filgħodu u jkomplu sas-seba’ ta’ filgħaxija. F’Għawdex, il-votazzjoni qed isir fis-sub-headquarters tas-Sannat u ħa tintemm fil-ħamsa ta’ waranofsinhar. Dan wara li saret ukoll votazzjoni bikrija fis-27 u fit-30 ta’ Awwissu.

Bħala gazzetta, aħna se nkunu preżenti fl-istamperija b’xandir live u aġġornamenti kontinwi, sabiex inwasslulkom kull dettall dwar kif qed jimxi l-proċess, ix-xenarju fuq il-post, u r-reaazzjonijiet mill-kampijiet taż-żewġ kandidati. Se nkunu qed inżommu lill-qarrejja tagħna infurmati minn ġewwa, hekk kif il-PN jagħmel għażla li se tkun determinanti għall-futur tiegħu u għall-pożizzjoni tiegħu fix-xena politika Maltija.

Illum il-PN ma jinsabx biss quddiem elezzjoni interna, imma fuq quddiem nett ta’ deċiżjoni li tista’ tfassal il-kapitlu li jmiss tal-istorja tiegħu.

More in Politika