L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ikkundanna theddid ta’ azzjoni legali magħmul minn Jason Micallef, kap tal-aġenzija tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali.
“Bħala uffiċjal pubbliku, Micallef għandu jaf aħjar milli juża theddid ta’ azzjoni legali meta jkun ikkritikat jew meta jitqanqlu tħassib ġenwin dwar id-deċiżjoni li jitqiegħed ġebel żrar u ramel fin fiż-żona tal-pikniks f’Ta’ Qali,” qal l-IĠM.
L-istqarrija waslet wara li Micallef ħabbar li se jieħu lill-podcaster Trudy Kerr il-qorti fuq video li kienet ippubblikat biex tiġbed l-attenzjoni għall-installazzjoni ta’ żrar fil-Park ta’ Ta’ Qali.
“Minflok jattakka nies li qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-libertà tal-espressjoni, kellu jispjega r-raġunijiet għad-deċiżjoni meħuda fiż-żona tal-pikniks ta’ Ta’ Qali b’mod ċar u trasparenti,” sostna l-IĠM.
L-Istitut sejjaħ lill-ministru li Micallef jirrapporta lilu biex iwaqqaf dan l-imġiba u jiżgura li ma terġax issir, u qal li dan il-pass kien inaċċettabbli.
“Mhuwiex aċċettabbli li persuni f’kariga pubblika bħal Micallef iħossuhom awtorizzati jheddu lill-kritiċi b’azzjoni fil-qorti. Dan mhux ħlief attentat biex iċċensura u tbeżża’ lill-kritiċi fis-skiet u b’hekk jammonta għal attakk fuq il-libertà tal-espressjoni,” żiedu jgħidu.