Elezzjoni Kap PN: Alex Borg jiddikjara rebħa, iżda l-partit jgħid li r-riżultat huwa wieħed viċin wisq

Alex Borg iddikjara rebħa fl-elezzjoni tal-PN, iżda Adrian Delia għadu ma tkellimx u l-partit għadu ma għamel l-ebda avviż uffiċjali • Parteċipazzjoni: 86%

Il-ġlieda għall-kariga ta’ kap tal-Partit Nazzjonalista għadha għaddejja hekk kif l-aħħar indikazzjonijiet juru li hemm distakk żgħir ħafna bejn iż-żewġ kandidati, Alex Borg u Adrian Delia.

Skont sorsi tal-partit Nazzjonalista, wara li ġew mitfugħa madwar 15,000 vot, id-distakk kien ta’ 246 vot biss favur Alex Borg. Ftit sigħat wara, l-istess sorsi indikaw li d-distakk naqas għal madwar 194 vot, iżda xorta Borg baqa’ fil-quċċata.

Il-voti ġew diġà magħżula fil-munzelli rispettivi tal-kandidati, iżda minħabba li r-riżultat hu daqshekk viċin, il-partit se jmur għal għadd manwali sħiħ tal-voti. Dan l-għadd formali issa beda, bl-aġenti tal-votazzjoni jgħoddu l-voti individwalment u jiġbruhom f’munzelli ta’ 50.

L-għadd uffiċjali mistenni jkun aktar mgħaġġel mill-proċess ta’ klassifikazzjoni li kien għaddej matul il-jum, iżda minħabba l-marġni żgħir ħafna, sorsi interni qed jgħidu li l-ebda kandidat mhu se jiddikjara rebħa qabel ma jintemm il-proċess kollu.

Bħalissa, il-partitarji tal-PN u l-osservaturi politiċi qed isegwu mill-qrib dan il-proċess hekk kif il-partit jinsab fil-mument deċiżiv tiegħu biex jagħżel il-kap il-ġdid u l-mexxej tal-Oppożizzjoni.

Alex Borg jiddikjara rebħa

'Alex Borg il-mexxej'

Nies barra d-Dar Ċentrali qed jifirħu lil Alex Borg u jixegħlu l-flares. Jidher li t-tim u s-sapporters tiegħu huma kunfidenti f'rebħa. Sadanittant fis-sala tal-għadd tal-voti, l-għadd tal-voti bl-idejn għadu għaddej. 

Borg jiddikjara rebħa, iżda Delia għadu ma kkonċediex

Adrian Delia għadu ma kkonċediex it-tellieqa, iżda sorsi qed jgħidu lil MaltaToday li ż-żewġ timijiet li kienu qed jiġbru d-dejta kellhom numri simili li kkonvinċew lill-assistenti ta’ Borg li seta’ jiddikjara rebħa.

Il-PN jinsisti li għadu qrib wisq biex wieħed jiddikjara rebħa

Għadna qed nistennew li jitħabbar riżultat uffiċjali mill-kummissjoni elettorali tal-PN.

Kelliem għadu kif qalilna li l-partit għadu mhux qed iħabbar riżultat peress li għadu qrib wisq.

Il-Kummissjoni Elettorali se tgħodd il-voti individwali

Fl-aħħar għandna aġġornament ieħor, u jidher li se jkun hemm għadd mill-ġdid tal-voti. Il-voti għal Delia u Borg ġew maqsuma skont dan u ffajljati f'munzelli ta' 50. Dalwaqt, il-Kummissjoni Elettorali tal-partit se tidħol fis-sala u tgħodd il-voti huma stess sabiex ikunu jistgħu jiddeterminaw ir-riżultat uffiċjali.

Ilment mingħand Adrian Delia

Skont sorsi tal-partit, il-kummissjoni elettorali tal-partit irċeviet ilment mingħand Adrian Delia. Wara li ħadet nota tiegħu, beda l-proċess tal-għadd tal-voti. Dan mhuwiex għadd mill-ġdid tal-voti għaliex l-għadd tal-voti kien għadu ma sarx anke jekk il-voti kienu diġà miġbura f'pakketti ta' 50. Wara li jintemm l-għadd tal-voti, il-kummissjoni toħroġ riżultat uffiċjali u mbagħad ikun f'idejn il-kandidati li jiddeċiedu jekk jaċċettawhx jew jitolbux għadd mill-ġdid jekk ir-riżultat ikun viċin ħafna.

Madankollu, il-kummissjoni elettorali ma ppubblikat l-ebda stqarrija uffiċjali dwar il-kwistjoni, u lanqas ma ppubblikat riżultat.

More in Politika