Il-Partit Nazzjonalista issa għażel il-kap il-ġdid. Nistgħu ndumu ngħidu x’naħsbu jew x’ma naħsbux. Issa li hemm hemm.
Il-kap il-ġdid tal-PN għandu sfidi kbar, u filwaqt li hemm dubbji kbar kif dawn l-isfidi ser jiġu ndirizzati, jibqa’ l-fatt li nkunu onesti jekk ngħidu li l-pajjiż qed jitkarrab biex ikollna partit fl-oppożizzjoni b’saħħtu u alternattiv.
Jekk jirnexxilu jikkonvinċi n-nies li jista’ jkun dak il-partit, lesti biex ntuh iċ-ċans. Imma ma għandux ħafna ħin.
Anzi, il-ħin kontriħ.
L-ewwel ħaġa li hemm bżonn issir hi li l-PN jerġa’ jibni l-magna tiegħu. Mingħajr magna ma jkunx jista’ jopera u wisq inqas jaġixxi. Fis-snin ta’ qabel, il-PN kien kapaċi jattira l-aħjar imħuħ u l-aħjar talent. Mingħajrhom il-PN ma kienx kapaċi jirbaħ il-qlub tan-nies.
Imma fuq kollox il-PN kellu viżjoni u riċetta tajba għan-nies. Kien kapaċi jeċita n-nies bil-viżjoni politika tiegħu u b’idejat ġodda. Kellu l-vantaġġ li dak iż-żmien kellu Partit Laburista dominat minn elementi vjolenti u mifni bi stejjer ta’ korruzzjoni.
Imma ma kinux dawn l-ingredjenti għall-qawmien tal-PN. Kienu l-argumenti politiċi favur ekonomija ħielsa, xewqa biex Malta tidħol fl-Unjoni Ewropeja u kif ukoll l-aċċettazzjoni ta’ prinċipji bażiċi li jispiraw demokrazija moderna.
Imma dan kollu sparixxa hekk kif il-Partit Laburista rebaħ il-vot tal-middle class u ssieħeb mal-lobby tan-negozji. Spiċċa hekk kif il-PN ma setgħax jifhem li s-soċjeta inbiddlet u ma dawn il-bidliet kibret xewqa biex ikun hawn riformi soċjali progressivi.
Il-PN irid ikun lest biex jinbidel u ma jridx jimmaġina li jista’ jirbaħ biss għax il-Gvern Laburista għamel jew ħa deċizjonijiet oxxeni u żbaljati.
Irid ikun partit li jispira l-elettorat. Elettorat li miż-żmien meta l-PN kien hemm fuq, inbidel u sar aktar raffinat, intelliġenti u forsi iktar matur. Mhux ser tkun faċli, imma jaqbel għad-demokrazija li l-PN taħt xxxxxx iġibha żewġ.