Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tieħu azzjoni dwar dak li jiddeskrivi bħala deċiżjoni illegali li tkopri ż-żona tal-pikniks ta’ Ta’ Qali biż-żrar.
Kelliema tal-PN Rebekah Borg u Stanley Zammit qalu li hemm applikazzjoni għall-ippjanar (PA/08356/24) li għadha fil-fażi ta’ screening.
“Ma hemm l-ebda permess approvat u allura l-pubbliku ma giex ikkonsultat dwar jekk iridx li l-picnic area f’Ta’ Qali tinkesa biż-żrar. Minkejja f’dan, Gvern Laburista għażel li jmexxi bix-xogħlijiet fuq il-post, bi ksur sfaċċat tal-liġi,” qal il-PN.
Huma qalu li l-applikazzjoni, li mhix permess, tirreferi biss għal ftit mogħdijiet tal-ġebel, iżda l-erja kollha tal-pikniks ġiet miksija bil-ġebel. Żiedu li ġew mibnija wkoll strutturi tal-konkos maħsuba bħala toilets mingħajr permess, li ilhom hemm sa mill-inqas Frar 2025.
“Il-liġi tgħid b’mod ċar li t-tqegħid ta’ materjal fuq l-art jeħtieġ permess. Li Gvern Laburista ghamel xogħol li kien jirrikjedi permess mingħajr ma stenna li tiġi approvata l-applikazzjoni mhijiex biss arroganza iżda illegalità sfaċċata. Il-Gvern Laburista kiser ir-regoli li kulħadd hu obbligat josserva. Ċittadini ordinarji li jagħmlu l-istess jiġu mmultati jew imwaqqfa minnufih; iżda meta l-Gvern Laburista jagħmel l-istess, il-liġi sempliċement tintesa.”
Il-kelliema qalu wkoll li l-gvern aġixxa b’mod irresponsabbli f’wieħed mill-ftit spazji aħdar ta’ pikniks li fadal fejn il-familji jiltaqgħu.
“Minflok iħares dak li hu tal-pubbliku, il-Labour ipoġġi l-propaganda qabel kollox – qabel l-ambjent, il-liġi u l-familji. Dan huwa Gvern li l-ewwel jikser ir-regoli diġà fis-seħħ, u mbagħad jerġa’ jiktibhom skont kif jaqbillu,” qalu.
Huma semmew ukoll it-theddida ta’ Jason Micallef lill-podcaster Trudy Kerr li se jeħodha l-qorti fuq video li kkritikat id-deċiżjoni li tkopri ż-żona bil-ġebel.
“Il-familji Maltin jistħoqqilhom ħafna aktar minn arroganza u kaos. Filwaqt li l-Labour jikser ir-regoli u jimmanipula s-sistema għall-interessi tiegħu stess, il-Partit Nazzjonalista jemmen f’sistema ta’ ppjanar li taħdem għan-nies, tipproteġi l-ambjent u tirrispetta l-komunitajiet,” żiedu jgħidu.