Il-ġuħ u l-faqar qed jinfirxu malajr f’Gaża, u l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti qalet li qed jiġi affaċċjat diżastru magħmul mill-bniedem, li jħalli “ħtija morali u falliment tal-bniedem innifsu”.
Skond l-analiżi tal-Integrated Food Security Phase Classification, il-kundizzjonijiet qed jespandu minn Gaza City għal Deir Al Balah u Khan Younis. Sa tmiem Settembru, aktar minn 640,000 persuna se jkunu f’“livell katastrofiku” ta’ insigurità fl-ikel (Fażi 5), filwaqt li 1.14 miljun persuna se jkunu f’Fażi 4 u 396,000 f’Fażi 3.
Il-Kap tal-Ġnus Magħquda, António Guterres insista li Iżrael, bħala “poter okkupanti”, għandu d-dmir legali li jiżgura l-ikel u l-provvisti mediċi għall-popolazzjoni. Hu appella għal azzjoni immedjata: “Daqshekk skużi. Żmien għall-azzjoni, mhux għada — issa.”
Il-Ġnus Magħquda qed issejjaħ ukoll għal waqfien immedjat tal-gwerra sabiex jippermetti rispons umanitarju bla ostakli u biex jitħallew jiddaħħlu l-għajnuniet essenzjali.
Skont ir-rapport, it-telf ta’ ħajjiet minħabba malnutrizzjoni qed jikber b’mod allarmanti, speċjalment fost tfal, anzjani, u persuni b’diżabilità. Fl-aħħar xahar ta’ Lulju, iktar minn 12,000 tifel u tifla ġew identifikati bħala “acutely malnourished” — l-ogħla figura fl-istorja ta’ Gaża.
Il-Kap tal-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani tal-UN Volker Türk qal li din il-karestija u l-faqar hija “riżultat dirett” tal-politiki tal-Gvern ta’ Iżrael: “L-awtoritajiet Iżraeljani għandhom jieħdu passi immedjati biex jieqfu dawn l-imwiet u jippermettu l-aċċess sħiħ għall-għajnuna umanitarja.”