Il-PN jgħid li Abela ċeda għall-“fazzjoni faxxista”

Il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Prim Ministru Robert Abela li ċeda għall-pressjoni interna fil-Partit Laburista wara li Neville Gafà reġa’ daħal fl-OPM

Il-Partit Nazzjonalista (PN) akkuża lill-Prim Ministru Robert Abela li ċeda għall-“fazzjoni faxxista” fi ħdan il-Partit Laburista wara li Neville Gafà reġa’ ngħata kariga mil-Prim Ministru, simili għal dik li kellu taħt l-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat.

Fi stqarrija, il-PN sostna li r-ritorn ta’ Gafà jikkonferma kif il-gvern ta’ Abela qiegħed kulma jmur ikompli jsir kontinwazzjoni tal-Gvern korrott ta’ Joseph Muscat, kaġun ta’ patt imxajtan li rrenda lil Robert Abela pupazz li qed ikollu jċedi quddiem dawk li jiġbdulu l-ispaga.

Il-partit fakkar li din hi t-tieni ħatra għal Gafà f’inqas minn xahar, wara rapporti li ġie fdat f’ħidma fuq livell distrettwali għal-Labour f'Għawdex. Din il-ġimgħa, l-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ikkonferma lit-Times of Malta li Gafà reġa’ nħatar bħala koordinatur li jieħuu ħsieb lil-klijenti għail-Prim Ministru, għax kellu esperjenza f’din il-kariga fil-passat.

Gafà, alleat viċin ta’ Joseph Muscat u l-eks kap tas-segretarjat Keith Schembri, tilef il-kariga tiegħu f’Kastilja meta Abela ħa post Muscat fl-2020. Skont il-PN, ir-ritorn tiegħu juri l-pressjoni interna li Abela qed jaffaċċja minn dawk li jridu jġibu lura l-influwenza ta’ Muscat.

Il-PN semma wkoll l-imġiba riċenti ta’ Gafà, partikolarment l-attakki pubbliċi tiegħu kontra l-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici dwar l-infiq tal-Malta Film Awards – attakki li ġew imxandra wkoll mid-delegat speċjali tal-Partit Laburista Jason Micallef. Minkejja li dak iż-żmien Abela ddefenda lil Bonnici, il-PN qal li llum il-Prim Ministru “beża’ minn kliemu” billi aċċetta li jdaħħal lil Gafà lura fl-OPM.

L-istqarrija tal-PN fakkret ukoll kif Gafà kien imexxi “kampanja malizzjuża” kontra diversi deputati tal-PN, akkużahom li kienu jaħarbu l-ħidma parlamentari – allegazzjonijiet li aktar tard ġew miċħuda kompletament mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Minkejja dan, il-PN qal li la Abela u lanqas Gafà ma qatt taw skuża pubblika.

Gafà ilu figura kontroversjali għal snin twal, wara li kien marbut ma’ allegazzjonijiet ta’ racket ta’ viżi mediċi li jiswew miljuni ta’ ewro, fejn ċittadini Libjani kienu qed jiġu mħallsin eluf ta’ ewro biex jiksbu kura f’Malta.

More in Politika