Tibda l-votazzjoni bikrija għall-elezzjoni tal-Kap tal-PN

Il-Kummissjoni tal-PN tgħid li l-membri jistgħu jivvutaw kmieni kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex qabel is-sessjoni finali tal-Konvenzjoni fis-6 ta’ Settembru

Fi stqarrija, il-President tal-Kummissjoni Elettorali, tar-Rekords u tad-Data tal-PN, Mario Callus, fakkar li l-votazzjoni bikrija qed issir illum u s-Sibt li ġej, filwaqt li s-sessjoni finali tal-Konvenzjoni hija skedata għas-Sibt 6 ta’ Settembru, meta jsir il-vot uffiċjali.

Skont l-istatut tal-partit, il-votazzjoni bikrija hija organizzata għal dawk il-membri li ma jkunux jistgħu jattendu fil-jum tal-elezzjoni. Callus spjega li kull membru eliġibbli hu liberu jagħżel fejn u meta jivvota, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, mingħajr il-ħtieġa li javża minn qabel.

Huwa tenna li eliġibbli għall-vot huma biss dawk li ġeddew is-sħubija tagħhom sa nofsinhar ta’ nhar l-Erbgħa 27 ta’ Awwissu.

Il-votazzjoni se ssir fuq tlett ijiem. Illum, 27 ta’ Awwissu, il-membri jistgħu jivvutaw fil-Kwartieri Ġenerali tal-PN f’Malta bejn l-4 ta’ waranofsinhar u d-9 ta’ filgħaxija, jew f’Ta’ Sannat, Għawdex, bejn l-4 u t-8 ta’ waranofsinhar. Is-Sibt 30 ta’ Awwissu, il-votazzjoni ssir bejn id-9 ta’ filgħodu u s-7 ta’ filgħaxija f’Malta, u bejn id-9 ta’ filgħodu u l-5 ta’ waranofsinhar f’Għawdex. Is-sessjoni finali se ssir is-Sibt 6 ta’ Settembru, meta l-membri jkollhom l-opportunità jivvutaw kemm fil-Kwartieri Ġenerali tal-PN kif ukoll fil-Każini ta’ Ħal Safi, Ħal Tarxien u l-Imġarr (9am-7pm), u f’Ta’ Sannat, Għawdex (9am-5pm).

Il-membri għandhom juru l-karta tal-identità flimkien maċ-ċertifikat tal-vot li tqassam reċentement fid-djar. Dawk li ġeddew is-sħubija tagħhom bejn it-Tnejn u nofsinhar ta’ nhar l-Erbgħa u li jixtiequ jivvutaw illum jew is-Sibt jistgħu jiġbru ċ-ċertifikat direttament mill-istazzjon qabel jivvutaw.

Din l-elezzjoni, li se tiddeċiedi l-mexxej li jmiss tal-Partit Nazzjonalista, qed tkun ikkontestata minn Alex Borg u Adrian Delia, li n-nomini tagħhom ġew ikkonfermati mill-Kummissjoni tal-Kandidati tal-PN fl-aħħar ġimgħat.

More in Politika