[Aġġornat] Kunsilliera Nazzjonalista Francine Farrugia akkużata bi frodi

Kunsilliera Nazzjonalista fis-Siġġiewi Francine Farrugia titressaq il-qorti b'allegazzjonijiet ta' serq ta' fondi • Jirreaġixxu għal din il-kwistjoni l-Partit Nazzjonalista u l-Ministru għall-Edukazzjoni

Il-Kunsilliera tas-Siġġiewi Francine Farrugia
Il-Kunsilliera tas-Siġġiewi Francine Farrugia

Francine Farrugia, eks kunsilliera tas-Siġġiewi u eks maniġer fil-qasam tas-salarji tal-MCAST, tressqet il-qorti nhar il-Ħamis fejn ġiet mixlija b’diversi akkużi fosthom frodi, ħasil ta’ flus, approprjazzjoni indebita u użu ħażin ta’ sistemi informatiċi.

Il-każ beda minn investigazzjonijiet interni f’Ġunju wara li nqabdu diskrepanzi fis-sistema tal-pagi tal-MCAST. Skont ix-xhieda tal-pulizija, Farrugia użat l-aċċess tagħha biex tagħmel ħlasijiet doppji lilha nnifisha b’mod illegali bejn l-2023 u l-2025, għal ammont totali ta’ €2,337,258.80.

Il-Pulizija qalet li aktar minn €1.9 miljun ġew trasferiti direttament fil-kont personali tagħha tar-Revolut, filwaqt li trasferimenti oħra, fosthom wieħed ta’ €200,000, marru għand nutar.

Hi nqabdet fl-uffiċċju tagħha fl-MCAST u waqt tfittxijiet f’darha nstabu prodotti lussużi bħal handbags tad-disinjaturi, żraben, ħwejjeġ u oġġetti ta’ moda għaljin. Instabu wkoll kuntratti ta’ proprjetà u xiri ta’ vetturi. Xhieda fil-qorti żvelat li kienet nefqet aktar minn €113,000 f’Harrods.

Għalkemm Farrugia kkopperat logistikament mal-pulizija, ma weġbitx il-mistoqsijiet waqt l-interrogazzjoni. Fil-qorti dehret nervuża u mitlufa, u f’ħin minnhom talbet tpoġġi.

Il-prosekuzzjoni, assistita mill-Avukat Ġenerali, talbet ordni ta’ ffriżar tal-assi u l-kontijiet bankarji tagħha, li l-qorti approvat minħabba r-riskju li jispikka l-fondi. L-avukati tad-difiża oġġezzjonaw, u argumentaw li Farrugia qed tirċievi kura psikjatrika u talbu wkoll li ma jkunx permess li isimha jixxandar.

Madankollu, il-Maġistrat Nadine Lia qalet li kien diġa tard wisq peress li isimha kien diġà ġie ppubblikat fil-midja. L-MCAST ukoll talab biex ismu ma jissemmiex fil-pubblikazzjonijiet, iżda l-qorti qalet li ma tistax timponi fuq il-midja dwar kif tirrapporta każijiet pendenti.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa għall-ħelsien mill-arrest minħabba riskju ta’ influwenza fuq ix-xhieda, speċjalment fuq impjegati tal-MCAST li għadhom ma xehdux, u għax għad fadal tfittxijiet x’isir f’propjetajiet oħra relatati mal-akkużata. Il-qorti laqgħet l-oġġezzjoni u ordnat li l-investigazzjonijiet u t-traċċar tal-assi jitwettqu bla dewmien.

Saret ukoll ordni għal valutazzjoni psikjatrika biex jiġi deċiż jekk Farrugia għandhiex tinżamm f’Mount Carmel jew fl-Unità Forensika.

Il-każ għadu għaddej, bl-Uffiċjal Kap Finanzjarju tal-MCAST mistenni jixhed fil-ġurnata li jmiss.

Id-difiża mmexxija mill-avukati Peter Fenech u Amy Zahra. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Alessia Schembri u Michael Muscat flimkien mal-Ispettur Wayne Rodney Borg. Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia.

Reazzjonijiet ta' Clifton Grima u tal-PN 

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima kkumenta fuq il-kwistjoni fuq Facebook fejn qal li huwa rrabjat u ddiżappuntat fuq il-fatt li din l-aħbar saret pubblika. Huwa qal li l-MCAST se tkompli taħdem fuq il-prinċipji tal-kontabilita' u t-trasparenza għall-ġid tal-istudenti. 

"Diġa' ttieħdu miżuri f’dan is-sens filwaqt li l-ħidma fil-kulleġġ trid tibqa’ għaddejja għall-ġid tal-komunità edukattiva tagħna," kiteb Grima.

Il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija aktar tard, il-Ħamis wara nofsinhar fejn qal li wara għamel kuntatt ma' Farrugia, hija rriżenjat minn kull kariga mal-partit kif ukoll bħala kunsilliera fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.

Il-PN tenna li hu dejjem "jesiġi l-ogħla standards mir-rappreżentanti tiegħu".

 

 

More in Politika