“Jekk hemm il-proċeduri kriminali għadhom għaddejjin, naħseb li m’għandux jirritorna għall-post tax-xogħol”

Fit-tielet programm ta’ Xtra Sajf, Saviour Balzan jintervista lil Adrian Delia. 

Kont kap tal-PN, kien hemm dak il-perjodu fejn kien hemm pressjoni kbira biex titlaq, u fil-fatt inti spiċċajt minn kap u laħaq Bernard Grech. Għaddew ħames snin u issa inti qed terġa’ tikkontesta għal dan l-irwol. Xi ħaġa storika jekk tirbaħ, deċiżjoni iebsa li terġa’ tirritorna. X’inhi r-raġuni? 

Mhijiex deċiżjoni faċli mhux tant għal dak li ġara qabel u għaddejt minnu imma għax din hi responsabbiltà tremenda. Hawn min jaħseb li din promozzjoni b’ħafna poter imma din telf ta’ libertà u ħin. Mhux faċli. Għandha konsegwenzi fuq il-familja u l-ħbieb. Dak li semmejt inti qabel, huwa l-kuntest li wassalni biex nieħu din ir-responsabbiltà. Qegħdin sena, sena u nofs massimu ’l bogħod mill-elezzjoni ġenerali u l-PN qiegħed fis-sitwazzjoni illi qiegħed. Kulħadd jaf. Allura meta ġara dak li ġara, ħassejt ir-responsabbiltà għax għandi l-esperjenza u naf kif jaħdem il-partit, naf x’għandu jsir, naf li m’hemmx żmien fejn wieħed jitgħallem. Għandna bżonn nitilqu niġru ... imma wkoll, bl-esperjenzi u s-sofferenzi tal-imgħoddi. Barra minn hekk ħafna minn dawk in-nies li ma kinux qed jappoġġjawni ġew issa u qaluli “aħna qegħdin warajk”. Wasalt biex nieħu din id-deċiżjoni ħabba dan kollu. 

Kieku Roberta Metsola ddeċidiet biex tiġi Malta minn Brussell, inti kont tpoġġi l-kandidatura tiegħek? 
 
Le għax jien dejjem tajt l-appoġġ tiegħi lil Metsola, anke qabel kont fil-politika. Naħseb li hi persuna unika. L-ogħla pożizzjoni li qatt kellha persuna Maltija, qas kien jippermettilha li tagħmel dak it-tip ta’ pass. Kien ikun att ta’ irresponsabbiltà kbira. Kieku talbitni parir, hekk kont ngħidilha. Ma naħsibx li kien jaqbel għall-pajjiż minħabba l-konsegwenzi li kienu jsiru fuq isem Malta barra minn Malta. 

Alex Borg kien viċin ħafna tiegħek. Dejqitek il-fatt li kkontesta? Skont is-sondaġġi hu qiegħed fuq quddiem. 

Le, ma dejqitnix. Dawn għadni ma rajthomx. Ma nafx liema sondaġġi qed tagħmel referenza għalihom. Żgur li dak kollu li sar qabel is-Sibt li għadda mhuwiex xjentifiku għax il-lista tat-tesserati ingħatat nhar is-Sibt li għadda. Kulma ġara qabel kien fuq xi ħaġa li mhux reali.  

Bħalissa kollox ward u żahar bejn iż-żewġ kampijiet fil-PN? 

Ħu kuntest ta’ kompetizzjoni, ta’ tiġrija. Dan huwa proċess li jrid isir. L-iżjed ħaġa li tinteressa lit-tesserati tagħna hu x’jiġri wara dan il-proċess. Ma nafx għala dan l-għaġeb kollu. Kieku konna minn “fazzjonijiet differenti”, allura kollox ikun eħfef? Mela huwa vantaġġ għall-PN li aħna ħbieb għax wara dan, il-partit ħa joħroġ iżjed b’saħħtu. Dik l-iktar ħaġa importanti. Hemm min jipprova jgħawwar u jxewwex, mhux inti, il-PL. 

Waħda mill-aktar affarijiet li ġie kkritikat il-PN fuqha dawn l-aħħar 15-il sena kienet il-problema li huwa partit reattiv, mhux propożittiv. Inti din il-problema tagħrafha? Eżempju l-kwistjoni tal-Gender Equality, l-Abort, l-Ewtanażja. 

Le, ma naħsibx li hi l-ikbar problema fil-PN. Fin-natura ta’ gvern u oppożizzjoni, il-gvern xogħlu hu li jipproponi l-liġijiet. Jekk hemm gvern li għandu li jrid jipproponi sett ta’ linji gwida għax jemmen fihom, il-gvern irid jemmen fihom mhux l-oppożizzjoni. Il-gvern jipproponi għax jixtieq kannabis, u l-PN jixtieq proġett ta’ forestazzjoni għal raġunijiet ta’ kwalità tal-arja. Il-PN jista’ jipprepara private members bill, imma xogħol il-parlament hu li gvern jipproporni l-liġijiet u s-saħħa li jagħmilhom. Aħna għandna perjodu qasir darba kull tant xhur li nipproponu xi ħaġa. Ma tfissirx li l-oppożizzjoni ma tistax tipproponi xi ħaġa imma mhux ħa jkollha saħħa daqs il-proposta tal-gvern. Jien nixtieq li jkun hawn proġett sħiħ ta’ forestazzjoni f’pajjiżna. Jekk insir kap tal-PN ngħidha. Ifisser li din ħa tiġi diskussa fil-parlament? Ħafna mid-drabi l-gvern jinjora l-oppożizzjoni, għax għandu l-poter li jista’, kif jinjora r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman, kif jinjora ċerti sentenzi. 

X’inhi l-akbar problema mela? 

Waħda mill-problemi hi li meta inti tkun fl-oppożizzjoni trid issir oppożizzjoni aħjar. Naħseb dak il-proċess ma bdejniehx sew, bqajna naġixxu li kieku konna għadna fil-gvern. Din kienet waħda mill-affarijiet li kont għedt jien tmien snin ilu sabiex naraw id-dgħjufijiet tagħna, ninbidlu, u niġġeddu qabel nikkritikaw lill-gvern. Issa aktar minn qatt qabel nistgħu nkunu aktar propożittivi. Jien nista’ ngħid li għandna bżonn sptar ġenerali ġdid fil-pajjiż. Mhux kulħadd qed jinqeda fil-qasam tas-saħħa. Iċ-Ċentru tas-Saħħa tat-Tramuntana mhux ħa jsir. Nista’ ntik aktar proposti fil-futur. 

Fl-aħħar żmien meta kont kap tal-PN, kien hemm clash bejn il-grupp Repubblika u n-nies ta’ madwar Daphne Caruana Galizia. Inti nqbadt f’dik l-isfortuna li kkummentajt qabel il-qtil makabru ta’ Daphne. Iż-żminijiet inbidlu. Il-PN taħseb li għandu, fil-konfront tiegħek, rapport aħjar ma’ dawn il-gruppi? 
 
Inkun prużuntuż jekk ngħidlek x’jaħsbu huma fuqi. Hemm ħafna individwi fil-grupp Repubblika li nitkellem magħhom u nitqarreb magħhom. Kien hemm progress sostanzjali. Ngħid li għandi rapport b’saħħtu. Hemm NGOs oħrajn li mhux ħa nsemmi imma naħseb li l-PN għandu jirrispetta lill-NGOs kollha u jinsisti li jkollhom aktar saħħa li jleħħnu dak li jemmnu fih fi kwalunkwe qasam. Minħabba li jien Shadow Minister tas-Saħħa kelli privileġġ li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa. Ġieli nikkonċentraw fuq żewġ NGOs biss imma hemm ħafna NGOs li jaħdmu fis-silenzju u jgħinu ħafna individwi, u lil dawk li jimbuttaw fis-settur tas-Saħħa Mentali. Għandna kriżi u għandna żgħażagħ — mhux dawk li qed jaqtgħu qalbhom mill-gvern u jitilqu ’l hemm — hemm żgħażagħ li qed jaqtgħu qalbhom mill-ħajja. Allura rridu ntuhom aktar saħħa u fondi. Ġieli ma’ naqblux imma l-PN huwa NGO għalihom u mhux marbut ma’ NGOs oħrajn.  

Il-PN, qabel Joseph Muscat, kien magħruf bħala partit viċin in-negozji jew in-negozji viċin tiegħu. Illum in-negozji jħossuhom komdi mal-PL, u l-PN jipprova jgħaddi l-messaġġ sabiex jimirħu magħhom. Hemm kritika li l-gvern huwa wisq viċin tan-negozji. Inti tagħraf li n-negozji jistgħu jkunu viċin tiegħek u jistgħu jġibuk għarkupptejk. Kif tista’ tkun viċin tan-negozji u ma ssirx skjav tagħhom? 

Il-mistoqsija ħa nbiddlilha parti minna. Inti għedt li fil-passat il-PN kien iżjed viċin u llum aktar viċin tal-PL. Ilbieraħ, mhux illum. Illum in-negozji ddejqu taħt il-Labour. Sa żmien Joseph Muscat, ġabru ħafna negozji u tqassim ma’ kulħadd. Illum in-negozji ddejqu għax m’hemmx firxa, hemm negozju għall-ftit. Hemm il-klikka ta’ Joseph Muscat, il-klikka ta’ Robert Abela, u bejniethom jiġġieldu għall-kejk kollu, waqt li l-frak għall-bqija. Jien kuljum nitkellem man-negozji. Ili 30 sena nikkonsulta negozji. F’pajjiż normali, in-negozji ma jkollhomx bżonn li jkollhom partit fil-but. In-negozji jridu “a level playing field”. Il-public procurement huwa s-settur tiegħu ... li inti temmen fin-negozju tiegħek u trid li ma tkunx diskriminat, bl-istess negozji dejjem jieħdu huma t-tenders. Inti ma tridx li jkun hemm dawk il-magħżulin, bi proċess “rigged”, evaluation board “rigged”, judication board “rigged”, public procurement appeals board “rigged”. Nies magħżula mill-Prim Ministru sabiex il-proċess ikun “rigged”, qed inkun ċar, qed inkun fattwali, hemm il-provi. Sentenzi tal-Qorti tal-Appelli jgħidu li f’kuntratti ta’ mijiet ta’ miljuni, il-Gvern qed iqiegħed nies sabiex jiġġudikaw u jiddeċiedu fuq dik l-applikazzjoni li kellhom kunflitt ta’ interess. In-negozji jridu li dak jieqaf. Adrian Delia Prim Ministru jiggarantixxi li jkun hemm “a level playing field”, u mhux il-ħakma tal-ftit. 

Il-PN m’għandux viżjoni. X’inhi l-viżjoni ta’ Adrian Delia jekk jiġi elett il-PN?  
Waħda mill-ewwel affarijiet li għedt meta tnediet il-pre-campaign twila, li ma naqbilx magħha u rrid inbiddilha, hi li ssir konferenza li tinkludi dawk il-membri tal-PN u l-fergħat kollha tal-PN, biex niddefinixxu u ma nibqgħux qisna mitlufin jekk m’għandniex dak li jgħaqqadni. Qabel kellna dawk il-fehmiet bażiċi. Dawk huma l-fehmiet bażiċi tagħna. F’din il-konferenza jiġu magħżula l-fehmiet bażiċi li ħa jwassluna għall-futur. Dan ħa jsolvi l-problema u ħa jassigura li ħa jkun hemm għaqda vera, u mhux għall-konvenjenza tal-personaġġi. Eżempju l-ambjent m’għandux ikun riżultat tal-iżvilupp imma fiċ-ċentru. 

It-tesserati tal-PN għandhom ċerta età. L-età għandha bżonn tkun aktar żagħżugħa. Kif tista’ tirrappreżenta l-ġenerazzjoni l-ġdida? 
L-ewwel nies dan veru. Iż-żgħażagħ illum, hemm ħafna fiex jgħaddu ż-żmien u s-soċjetà nbidlet. Il-fatt li ż-żgħażagħ mhux tesserati ma jfissirx li m’hemmx żgħażagħ li mhux qed jipparteċipaw jew li aħna ma naħsbux fiż-żgħażagħ. Meta kont kap tal-partit, bdejna fergħa ta’ żgħażagħ oħra u sejjaħnielha “Team Start”. Żrajna tama. Illum minn dik il-fergħa, hemm tnejn fil-parlament, minority leaders, u sindki madwar Malta. Iż-żagħżugħ mhuwiex il-futur ta’ pajjiżna, imma l-issa. Proposta oħra, iż-żgħażagħ ma jistudjawx sabiex isiru ħaddiema ta’ xogħlijiet li għada pitgħada ma jibqgħux jeżistu. Minflok, ninvestu sabiex isiru l-ħassieba tal-pajjiż. Dik parti mill-viżjoni tiegħi. 

Każ partikolari, Montekristo. Il-Gvern iddeċieda biex jissanzjona lil Montekristo. Ftit rajt politiċi jitkellmu fuq din. X’taħseb fuq din id-deċiżjoni? 
Jien ma rridx nitkellem fuq każ partikolari wieħed għax inkun irrid naqra kollox mill-bidu sal-aħħar u nara x’wassal għal dik id-deċiżjoni. Ħa nsemmilek każ ieħor li ġie quddiemna l-parlament, ta’ Manoel Island; każ li naf iktar fuqu. Li tiġi sanzjonata xi ħaġa illegali, jien dejjem kontra. Jien ma naqbilx li l-ewwel isiru l-illegalitajiet, tkabbarha u tkompli tkabbarha, u mbagħad tiġi aġevolat billi titbierek. Dik it-tweġiba tiegħi. Jekk irridu naraw każ b’każ, irridu naraw kif, u għalfejn, ir-rapporti. Semmejtlek il-każ l-ieħor għax dħalt fih u rajtu. Kien hemm kuntratt fuq Manoel Island li jgħatti d-drittijiet u l-obbligi. Jekk il-Gvern qed jaspira, li m’għamilx hekk għax ħlief U-Turns m’għamilx, beda jilgħab il-karta tal-populista. Lil min ħa nikkuntenta, il-bond holders, dawk li ffirmaw il-petizzjoni. Dak prinċipju, dak sewwa? Is-sewwa jitlob li Manoel Island issir park, dik tgħid l-opinjoni tiegħi u ta’ ħafna. Jekk min kellu l-kuntratt kisru hu, iħallsu hu, jekk kien il-Gvern, iħallsu l-Gvern.  

Anke f’ta’ Manoel Island, dan kien każ ċelebri. Bernard Grech dam idur mal-lewża. Il-problema kbira li jkollok sitwazzjoni fejn jiġu ġurnalisti u jistaqsuk fuq Manoel Island, u ma tistax tirrispondi “ma studjajthiex”. 

Naqbel fuq ta’ Bernard Grech. Le, le, imma jien qed intik il-prinċipju. Jien diġà weġibtha din qabel. Għamilt dan il-paragun biex tajtek stqarrija b’saħħitha ħafna. Jien qed ngħidlek ... inti għandek il-policies u r-regoli, irridu nobduhom. Min ma jimxix magħhom, jekk jien irrid inbiddel, inbiddel il-liġi. Ma naċċettax li dawk il-liġijiet jistgħu jinkisru b’impunità. Il-liġi trid tiġi għal kulħadd. Ebda ħlas, ebda donazzjoni, ebda negozju, m’għandu jinfluwenza lill-Gvern.  

Jekk tħares lejn kull sondaġġ tara li l-ikbar inkwiet fost in-nies huwa: il-kostruzzjoni, l-ambjent, l-istorbju, it-traffiku, u l-overpopulation. Dawn il-problemi nagħrfuhom, imma l-ikbar problema hi li m’għandniex soluzzjonijiet politiċi ċari. 

Jien kont kelliem għat-trasport fejn għamilt sensiela ta’ proposti, short-term, medium-term, u long-term. Ċari kienu dawn, bħal pereżempju trasport b’xejn, imma nżid nies minn barra sabiex naqdi t-trasport b’xejn imma ma naqsux il-karozzi fit-triq, ma ġara xejn. Mela on the long-term allura għandna bżonn sistema tat-trasport tal-massa fejn wieħed jippreferi jieħu lilha minflok il-karozza tiegħu. Medium-term, li jkun hemm parkeġġi sabiex tnaqqas id-drabi li karozzi jduru fit-triq. Il-kostruzzjoni u l-iżvilupp bla rażan, l-ambjent ma jistax ikun il-prezz tal-iżvilupp. Jekk l-ambjent ikun fil-qofol tal-iżvilupp, l-affarijiet jinbidlu. Iż-żewġ partiti jridu jaqblu għall-50 sena li ġejjin. Nirfes il-kallijiet li hemm bżonn. Jekk ma nirfsux jien, ħa jirfsuh dawk l-20,000 li ġejjin is-sena d-dieħla fejn m’għandniex iżjed fejn indaħħlu f’dan il-pajjiż. F’għaxar snin żidna l-popolazzjoni b’25%, mingħajr ma ħsibna għat-traffiku, għas-saħħa, għall-enerġija ... xejn. Flok il-gvern intebaħ, ħa jibqa’ jżid. Irridu nbiddlu l-mudell ekonomiku li ma jibqax jiddependi fuq l-influss tal-barranin. 

Viżjoni 2050 ... sa dik is-sena ħa nżidu n-numru ta’ turisti li jżuruna sa’ 4.5 miljun.  

Ġenn! Ħa ngħidlek għalfejn. Illum għandna tliet miljun turist. Dawk li jisparaw il-fire extinguishers, li jtellgħu l-bagalji bit-tarjola, dawk li jiġġieldu fit-toroq, dawk li jidħlu tmienja ġo karozza. Dawk illi ... għadu kif kien hemm l-istatistika li qalet li Malti jonfoq id-doppju ta’ turist. Low level tourism. Ħadd ma jridhom ħlief il-Gvern. Irridu nbiddlu l-mudell ekonomiku u nġibu aktar turisti ta’ kwalità. L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi qed tgħid li m’hemmx bżonn inkomplu nżidu n-numru ta’ turisti. Jekk qed tibni l-5 star, trid tikkonverti u tgħolli l-livell tat-turisti, u iżjed turisti li jużaw dawn is-servizzi. Kwalità mhux kwantità.  

Hemm ħafna affarijiet f’pajjiżna li qatt ma indirizzajna, pereżempju s-sistema elettorali. Adrian Delia, jekk jiġi elett kap tal-PN u anke Prim Ministru, jindirizzahom dawn it-temi li kienu skartati miż-żewġ partiti? 

Naħseb li għandha ssir diskussjoni u azzjoni fuq il-finanzjament tal-partiti, illi mbagħad tagħti lok li jkollok tisħiħ tal-partiti li mhumiex tradizzjonali. Hemm bżonn ili naraw x’inhuma l-aqwa sistemi sabiex ikollok l-iktar rappreżentanza wiesgħa li jkollok demokrazija iżjed raffinata. Id-demokrazija għandha l-problema li minflok ikollok il-ftit dinastiji, ikollok dawk tal-poplu. Jekk ikollok ekonomista li jista’ jgħin il-futur tal-pajjiż imma mhux popolari u mhux tajjeb man-nies, tajjeb hekk? L-aqwa mħuħ ma jistgħux jitilgħu għax mhumiex l-iktar imħuħ sexy. Aħna għandna pajjiż żgħir li m’għandniex fejn ninħlew fuq dawn. Irridu nattiraw il-professjonisti u ż-żgħażagħ tagħna fil-parlament. Irridu l-aqwa nies sabiex imexxu l-pajjiż. 

Alex Borg, ħabib intimu tiegħek u tal-fazzjoni tiegħek. Staqsejtu kieku hu kellu jkun Prim Ministru, fuq il-Persons of Trust. Din il-kultura ta’ “npoġġi biss nies tiegħi u mhux kompetenti”. Kieku inti ssir Prim Ministru lest li tbiddilha? 

Il-problema ta’ dan il-Gvern huwa li jkollok nies jgħinuk qrib tiegħek. Mhux erbgħa, ħamsa, imma għoxrin, tletin, erbgħin. Ikkorrompa dik il-fiduċja. Nagħżel lil min nagħżel mhux għax nafdah biss jew għax ta’ kulur imma fuq il-kompetenza tiegħu. M’għandix problema b’xi ħadd kompetenti, bi twemmin politiku ieħor. Jekk inti jkollok tisħiħ taċ-ċivil, ikollok segretarji permanenti li mhumiex appuntati, ifisser b’mod estrem illi mingħajr ministri, il-pajjiż jibqa’ jaħdem normali. Imma mbagħad il-ministru jagħti direzzjoni. Huma qegħdin hemm għall-kontinwità. Fuq ċerti affarijiet li jieħdu s-snin, eżempju trasport tal-massa, irridu nitilqu mill-problema li għandu dal-gvern li jaħseb biss għall-ħames snin jekk hu jerġa’ jiġi elett. Ejja naħsbu fuq 30, 50 sena. Ejja ngħidu, pereżempju, għandna bżonn ninvestu fl-enerġija tar-riħ. Ejja naqblu fuqha anke jekk tieħu għaxar snin. Iktar kemm naqblu fuq dawn, iżjed igawdu n-nies. 

Inti kont strumentali fil-każ tal-Vitals u kien hemm inkjesta li qajmet ħafna rix. Numru kbir ta’ nies tresqqu l-Qorti. Kurżità ... inti taqbel mal-kritika fil-konfront tal-inkjesta jew taħseb li hi perfetta? 

Jien għamilt kawża biex inġib l-isptarijiet lura u rnexxieli. Stidint lill-Gvern jieħu l-passi sabiex jirkupra l-erba’ mitt miljun u rrifjuta. Il-Prim Ministru intervjena fil-kawża sabiex jgħidlu tiħux l-erba’ mitt miljun. Ma nagħmel l-ebda kumment sabiex il-qrati jagħmlu xogħolhom. Jien noqgħod kawt biex ma nimponix li naħseb jien fuq proċess li għadu għaddej. Ikun perikoluż. 

Persuna li kienet imressqa u tkompli tinsisti li m’għamlet xejn ħażin. Ronald Mizzi kien Segretarju Permanenti u reġa’ ġie ingaġġat f’xogħlu. Taqbel magħha meta dan kien akkużat kriminalment? 
Jekk hemm il-proċeduri kriminali għadhom għaddejjin, naħseb li m’għandux jirritorna għall-post tax-xogħol. Mhux għal din il-persuna biss. X’fiduċja jista’ jkollu ċ-ċittadin jekk jiġri hekk? 

Każ ieħor partikolari kien ta’ Kurt Buhagiar, imsemmi fil-każ ta’ Jean Paul Sofia. X’tikkummenta fuq dan? 

Assolutament ma naqbilx. Nikkundanna bil-kbir l-iskuża fqira li ta l-Prim Ministru li qal għax qed jieħu paga. Jekk hemm il-proċeduri nistennew. 

Jekk tasal anke sa Prim Ministru, ħa tirrispondi bl-istess mod bħal issa jew ħa ttini xi skuża? 

Le, ma jimpurtax. Ili tmien snin fil-politika. Kien hemm min qabel u min ma qabilx. Jekk urejt ħaġa waħda biss kienet konsistenza f’dak li għedt u f’dak li għamilt. Ma nista nimmaġina l-ebda ċirkostanza li ħa tbiddel dak kif naġixxi, ngħid, u nemmen. 

Meta l-PL ħares lejn iż-żewġ kandidati qal li Alex Borg għadu żgħir, u jħares lejk u jgħid matur, kariżmatiku u għandu ma’ xiex jaqbad. Kif ħa taġixxi issa? 

Ngħidlek biss li Robert Abela u l-Gvern Laburista tant huwa mifni bi problemi, b’korruzzjoni, b’dak li huwa ħażin, li nispera li jaċċetta dibattitu fejn nelenkaw dak kollu li qed jagħmel għall-interess personali tiegħu u ta’ sħabu u kontra l-interess tal-pajjiż. Isemmili darba li jien aġixxejt kontra l-ġid tal-pajjiż. 

Jekk tirbaħ, x’jiġri minn Alex Borg? 

Jiena emmint f’Alex Borg u għadni nemmen fih. Naħseb li għandu futur sabiħ ħafna fil-partit. 

U jekk titlef? 

Naħseb għandi ħames snin preċident li wrejt li anke fejn tlift, bqajt naħdem, bqajt leali, għax l-ewwel mhux jien imma l-partit u pajjiżna. 

 

More in Politika