
Pastażata!
Minkejja r-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej fejn kien hemm messaġġ ċar lill-Gvern biex jisma’ l-karba tan-nies dwar il-pjaga tal-kostruzzjoni, Abela jagħmel l-oppost u jagħti carte blanche lill-iżviluppaturi.

Il-mexxej u l-Prim Ministru Laburista Robert Abela nieda proposta ta’ liġi fl-ippjanar li qed tiġi mqabbla mal-agħar żminijiet ta’ Lorry Sant, il-ministru Laburista magħruf għall-isfreġju ambjentali fit-tmeninijiet. Li qed jipproponi Abela, li kien l-avukat tal-Awtorità tal-Ippjanar fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista, ifisser li jkun hawn free for all fil-kostruzzjoni u diżastru ambjentali. Il-proposti jagħtu poteri diskrezzjonarji kbar lill-kumitati tal-Awtorità li issa se jiġu appuntati għal għaxar snin minflok tlieta. Barra minn hekk se tingħata intepretazzjoni wiesgħa tal-liġi b’mod speċjali għal dak li għandu x’jaqsam ma’ għoli tal-bini. Proposta oħra tgħid li l-Qorti ma jkollhiex jedd tindaħal fid-deċiżjoni tal-Awtorità.
Abela l-Ħamis informa l-grupp parlamentari li l-liġi proposta ħa ttejjeb is-sitwazzjoni u indika li n-Nazzjonalisti ma kinux se jopponu. Imma skont ħafna li kienu preżenti u jibżgħu minn Abela jemmnu li dan mhux se jkun il-każ. Sorsi fil-PN qalu li kien hemm attentat mill-Gvern biex jikkonvinċu l-PN biex fuq din il-proposta tal-liġi ma jmorrux għall-kumitat. Abela qal internament li ried jevita li jagħti ċans li din il-liġi tiġi diskussa fil-kumitat u tmur mill-ewwel plenarja. Ovvjament kienu bosta dawk il-ministri li wrew tħassib għal dak li qed jagħmel Abela.
Ministru qalilna li: “S’issa ħadd m’għandu l-kuraġġ jaffaċċjah, imma dan qabeż il-linja. Mela f’Ġunju li għadda rbaħna żbrixx l-elezzjonijiet Ewropej u fost l-iktar affarijiet li bihom kienu mdejqa n-nies kien hemm il-kostruzzjoni u l-isfreġju ambjentali. Abela qed jaħseb li l-għaqdiet ambjentali u l-media mhux se joqomsu. F’din għandu żball kbir.”
Ministru ieħor qalilna: “Qed jaħseb għax kien avukat tal-Awtorità u ħadd mhu se jifhem x’qed jipprova jagħmel. Dan irid jagħti carte blanche lill-iżviluppaturi u mhux qed jifhem il-burdata tan-nies. Dak li jiġrilek meta tkun imdawwar minn yes men biss.”
Ilbieraħ il-PN wera ftit snienu u kkritika l-proposta. Imma hemm xewqa minn Kastilja li l-kap il-ġdid tal-PN mhux se juri oġġezzjoni għal din il-proposta tal-liġi. Sakemm morna għall-istampa, Alex Borg u Adrian Delia ikkritikaw bl-aħrax il-propsta tal-gvern.
Kif il-liġi l-ġdida tal-ippjanar tagħti lill-Awtorità l-poter li tibdel il-limitazzjonijiet tal-għoli
L-emendi proposti fil-liġijiet tal-ippjanar se jagħtu lill-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar is-setgħa li jiddetermina l-għoli tal-bini f’żoni partikolari lil hinn minn dak li hu permess fil-pjani lokali.
Dan jirriżulta mit-tifsira estiża ta’ “Modifiki Minuri” li jistgħu jiġu kkunsidrati f’applikazzjonijiet għall-Kontroll tal-Ippjanar – definizzjoni li s’issa kienet fil-biċċa l-kbira limitata għal tibdil fl-allinjament tal-bini u ż-żona.
Fil-fatt, skont il-liġi preċedenti, “modifiki minuri” f’dawn l-applikazzjonijiet kienu jeskludu espressivament “bidliet fil-limitazzjonijiet tal-għoli”. Il-liġi l-ġdida tirrevedi din id-definizzjoni u tinkludi “bidliet fil-limitazzjonijiet tal-għoli” bħala parti minn dawn il-modifiki. Dan ifisser li l-Kunsill Eżekuttiv jista’ issa jindirizza bidliet relatati mal-għoli tal-bini permezz tal-qafas tal-applikazzjonijiet għall-Kontroll tal-Ippjanar.
Barra minn hekk, il-Kunsill Eżekuttiv ingħata wkoll is-setgħa li jniedi applikazzjonijiet għall-Kontroll tal-Ippjanar fuq inizjattiva proprja. Qabel, l-Awtorità (inkluż il-Kunsill Eżekuttiv) ma kinitx meqjusa bħala “persuna” li setgħet tressaq tali applikazzjonijiet. Il-liġi l-ġdida temenda dan u tistabbilixxi b’mod ċar li l-Kunsill Eżekuttiv jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess, jiftaħ u jwettaq dawn l-applikazzjonijiet.
Il-Kunsill Eżekuttiv issa għandu wkoll is-setgħa li joħroġ ċirkulari interpretattivi. Il-liġi l-ġdida ddaħħal artikolu ġdid, l-Artikolu 51A, li jagħti setgħa lill-Kunsill Eżekuttiv joħroġ minn żmien għal żmien ċirkulari biex jipprovdi gwida, struzzjonijiet jew spjegazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu interpretati jew applikati dispożizzjonijiet fil-liġijiet jew il-politiki rilevanti.
Din is-setgħa tippermetti lill-Kunsill jinfluwenza direttament kif il-politiki jiġu interpretati u applikati fil-prattika.
Il-Kunsill Eżekuttiv huwa ppresedut mill-Kap Eżekuttiv, li bħalissa huwa Johann Buttigieg, maħtur mill-Gvern għal terminu ta’ tliet snin. Il-Kunsill jinkludi wkoll żewġ membri permanenti li jservu bħala l-President u l-Viċi President tal-Bord tal-Ippjanar, żewġ membri oħra maħtura direttament mill-Ministru għal tliet snin, u żewġ membri oħra maħtura mill-Awtorità Maltija għall-Ambjent.
F’laqgħat tal-Kunsill Eżekuttiv, il-Kap Eżekuttiv – jew min jippresiedi minfloku – għandu vot oriġinali u wkoll vot deċiżiv f’każ ta’ parità. Il-Kunsill diġà għandu s-setgħa li jiddeċiedi fuq applikazzjonijiet taż-żona u fuq applikazzjonijiet biex jiġu mneħħija d-dispożizzjonijiet ta’ skedar minn fuq proprjetajiet. Bil-bidliet il-ġodda, dawn is-setgħat issa ġew estiżi sabiex jinkludu wkoll il-bidu ta’ applikazzjonijiet taż-żona.