Il-gvern ressaq fil-Parlament abbozz ta’ liġi li jemenda diversi liġijiet relatati mat-taxxa, bl-għan li jissaħħaħ l-qafas legali ta’ Malta kontra l-evażjoni fiskali u r-reati finanzjarji. Il-proposta tinkludi tibdil f’liġijiet ewlenin bħal dawk relatati mas-sigurtà soċjali, it-taxxa fuq dokumenti u trasferimenti, l-amministrazzjoni tat-taxxa, u l-VAT, kif ukoll fil-Kodiċi Kriminali.
L-abbozz għandu l-iskop li jagħti aktar setgħat investigattivi u ta’ infurzar lill-Kummissarju tat-Taxxa u lid-Dwana, kif ukoll li joħloq mekkaniżmi aktar effiċjenti għall-irkupru ta’ flejjes dovuti lill-Istat. Fost il-miżuri proposti hemm ukoll l-introduzzjoni ta’ reati kriminali ġodda u pieni aktar ħorox kontra dawk li jikser il-ftehimiet mal-awtoritajiet.
Waħda mill-bidliet prinċipali hija l-ħolqien ta’ mekkaniżmu armonizzat fost il-liġijiet tat-taxxa li jippermetti ftehimiet formali bejn dawk li jħallsu t-taxxa u l-Kummissarju. Dan il-proċess jinkludi l-ħlas ta’ pieni li jistgħu jvarjaw minn €10,000 sa €1,000,000, u jista’ jwassal biex jiġu evitati proċeduri kriminali, sakemm il-ksur ikun kopert mill-ftehim u ma tkunx ingħatat sentenza finali.
Il-mekkaniżmu jissospendi wkoll il-perjodu ta’ preskrizzjoni waqt in-negozjati, u jista’ japplika anke meta jkunu diġà qed isiru proċeduri kriminali. F’dan il-kuntest, qed jiġi introdott ukoll il-kunċett legali ta’ “ksur konness”, jiġifieri atti li jsiru biex jiffaċilitaw jew jaħbu ksur ewlieni ta’ liġi fiskali. Madankollu, reati gravi bħal korruzzjoni, estorsjoni u abbuż ta’ awtorità jibqgħu esklużi minn dan il-mekkaniżmu.
Barra minn hekk, l-abbozz jinkludi żewġ reati kriminali ġodda fil-Kodiċi Kriminali: waħda għal ksur frawdolenti ta’ ftehimiet mal-gvern, punibbli sa erba’ snin ħabs jew multa ta’ €2.5 miljun, u oħra għal ksur mhux iġġustifikat ta’ tali ftehimiet, li jista’ jwassal għal sa sentejn ħabs jew multa sa €500,000.
Skont l-istqarrija tal-gvern, din ir-riforma hija parti mill-impenn lejn sistema tat-taxxa moderna u ġusta, li tgħaqqad flessibbiltà amministrattiva ma’ infurzar sod u effettiv. Il-gvern qal li qed jistenna dibattitu kostruttiv fil-Parlament u approvazzjoni f’waqtha ta’ din il-leġiżlazzjoni importanti.