
Borg fuq quddiem, waqt li Delia jikseb l-appoġġ tan-nies ta’ Metsola
Jason Azzopardi jagħmel U-turn kbir u jappoġġja lil Delia

More in Politika
Jason Azzopardi jagħmel U-turn kbir u jappoġġja lil Delia
Minkejja l-patt imxajtan bejn Adrian Delia u Roberta Metsola, Alex Borg qiegħed il-favorit mat-tesserati tal-PN skont numri li rat din il-gazzetta. U fost it-tesserati hemm sentiment li minkejja li Borg huwa iżgħar fl-età, iktar jista’ jkun ta’ sfida għal Robert Abela. U anki għal xi diriġenti tal-Partit Laburista hekk kif jammettu li Alex Borg jaf ikun ferm aktar diffiċli bħala avversarju politiku.
Delia wkoll għandu l-iżvantaġġ li qed isib appoġġ minn dawk l-istess nies li kkalpestawh ħames snin ilu, inkluż nies li kienu kontrih bil-kbir inkluż l-eks politiku Jason Azzopardi, ikkunsidrat bħala persuna b’karattru kattiv, vendikattiv, u responsabbli mid-disseminazzjoni ta’ chats privileġġjati minn data sigrieta fil-Qorti tal-bloger Mark Camilleri. Il-gazzetta ILLUM tista’ tikkonferma li ma’ deputati Nazzjonalisti oħra, Azzopardi esprima appoġġ għal Delia u dan wara li għamel snin jattakkah.
L-appoġġ tal-old guard tal-PN, kif ukoll tan-nies ta’ Metsola, b’mod inkredibbli qed tirrabja lit-tesserati li din il-ġimgħa se jkomplu jisimgħu lil Alex Borg waqt li jieħu vantaġġ bil-fatt li Adrian Delia jinsab imsiefer fuq btala personali.
Apparti l-intriċċi tal-kampanja, osservaturi ma nnutawx xi dikjarazzjonijiet diverġenti bejn iż-żewġ kandidati, ħlief għall-fatt li Delia qed jipprova jlissen kritika mill-kamp Laburista biex jiggalvanizza lit-tesserati. L-aħħar waħda kienet marbuta ma’ posters li tweħħlu quddiem il-parlament ta’ Robert Abela u martu Lydia. Delia qisu kien jaf bihom u beda jipprova jitfa’ ż-żejt fin-nar billi insinwa li ġejja waħda kbira. U kumbinazzjoni rrepetieha Jason Azzopardi ... bħas-soltu dejjem preżenti meta jkun hemm każijiet bħal dawn.
Sorsi minn Kastilja qalu lil din il-gazzetta li jafu għal xiex qed jirreferu l-posters u jafu kemm l-istorja hija mibnija fuq il-ħolm. Qalu wkoll lil din il-gazzetta li l-persuni li weħħlu l-posters dehru ċari fuq is-CCTV u huma magħrufin li jappartjenu għal fazzjoni partikolari tal-PN.