Komunikazzjoni kkordinata: Il-maġġoranza tal-kabinett tagħti l-istess tweġiba għall-istess mistoqsija

“Iżda mhux kull ministru wieġeb il-mistoqsija l-istess u fil-fatt kien hemm xi wħud minnhom li taw risposta għall-mistoqsija.” 

Jidher illi l-maġġoranza tal-kabinett tal-amministrazzjoni preżenti ddeċidew li jagħtu l-istess tweġiba għall-istess mistoqsija parlamentari magħmula mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo. 

Fil-mistoqsija tiegħu, Bartolo staqsa biex il-ministri differenti jgħidu “kemm hemm persuni li ġejjin minn pajjiżi terzi (TCNs) jaħdmu [fid-dekasteru tagħhom] u kemm hu twil il-kuntratt tagħhom”. 

B’kollox Bartolo għamel dil-istess mistoqsija lil 16-il ministru, kif ukoll lill-Prim Ministru nnifsu. 

Ir-risposta ta’ kull wieħed minnhom kienet sempliċement, “Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari” u n-numru tal-mistoqsija parlamentari li qed jirreferu għaliha. 

Meta dil-gazzetta marret tfittex il-mistoqsijiet parlamentari li l-ministri bdew jirreferu għaliha, jidher illi l-maġġoranza tagħhom ukoll taw l-istess risposta. 

It-tweġiba mogħtija ma kienet xejn ħlief, “il-konsulenti/persons of trust jiġu impjegati skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra”. 

Il-kordinazzjoni kienet tant li l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, irrefera għall-istess tweġiba li ta l-Prim Ministru minflok tweġiba tiegħu — fi kliem ieħor dar kompletament magħha. 

 

Il-ministri li wieġbu differenti 

 

Iżda mhux kull ministru wieġeb il-mistoqsija l-istess u fil-fatt kien hemm xi wħud minnhom li taw risposta għall-mistoqsija. 

Dawn il-ministri huma:  

 

  • Owen Bonnici, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali; 

  • Anton Refalo, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali;  

  • Roderick Galdes, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli; 

  • Julia Farrugia, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat;  

  • Miriam Dalli, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir;  

  • Clyde Caruana, il-Ministru għall-Finanzi; u  

  • Clifton Grima, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni. 

 

Fit-tweġibiet tagħhom, dawn il-ministri essenzjalment qalu li l-konsulenti kollha li jimpjegaw fid-dekasteri tagħhom huma ċittadini Maltin. 

More in Politika