Il-Partit Nazzjonalista kkiritika dak li qal il-Ministru Jo Ettienne Abela rigward il-pazjenti fis-sala Male Ward 1B, li Abela qal il pazjenti jistgħu jitilqu meta jridu.
“Oxxenita’ u dikjarazzjoni li l-Gvern qata’ qalbu u ma jimpurtahx aktar mill-qasam tas-saħħa mentali,” huma qalu dwar dawn il-kummenti.
Il-Kumment tal-Ministru għas-Saħħa ġie wara li l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali qal li s-sala Male Ward 1B hija ‘not fit for purpose’. Wieħed mill-familjari ta’ pazjent li jgħix f’dik is-salla qal li l-kundizzjonijiet li jgħixu fihom huma tip ta’ tortura mentali.
Waqt intervista, Abela qal li l-individwi li jgħixu f’dik is-sala qegħdin hemmhekk minħabba problemi soċjali u mhux għal kura psikjatrika, u li kieku mhux qegħdin f’dik is-sala, ikunu qed isoffru fit-triq.
Il-PN ikkundana dawn il-kliem u qal li dawn il-kummenti juru kemm hu ‘arroganti’ il-gvern u li l-flus isibhom biss għall-konvenzjenza tiegħu.
“Minflok qed jaħdem kontra l-istigma, il-Gvern juża kliem li jkompli jgħakkes lil min hu l-aktar vulnerabbli. Il-Ministru għażel li jitkellem b’mod dispreġġjattiv dwar persuni li jinsabu rikoverati f’sala MW1B, minflok qed jaħdem biex jagħtihom ċans ta’ futur aħjar,” tkompli l-istqarrija.
Fl-istqarija, l-istess partit innota kif il-gvern injora mhux biss it-talba mingħand il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali u l-Professur Andrew Azzopardi, żewġ esperti fil-qasam, imma wkoll it-talba tal-PN lill-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa biex issir laqgħa straordinarja rigward l-istat ta’ Monte Karmeli.
L-Oppożizzjoni tappella għall-miżura li kienet ipproponiet fejn dawk il-pazjenti li m’għandhomx bżonn kura psikjatrika ma jintbagħtux Monte Karmeli imma jingħataw akkomodazzjoni oħra.
“Jekk il-Ministru Jo Etienne Abela qata’ qalbu li kapaċi jipprovdi l-kura li jixirqilhom dawk l-aktar vulnerabbli, għandu jwarrab u l-Gvern tas-slogan Is-saħħa lill-Maltin għandu verament jibda jwettaq dak li jwiegħed fuq il-billboards,” tgħalaq l-istqarrija ffirmata mid-deputati Nazzjonalista Ian Vassallo u Adrian Delia.
Il-partit ADPD qal li l-fehma tal-ministru fuq il-persuni li għandhom bżonn l-għajnuna f' Male Ward 1B hija xokkanti.
"Din hi stqarrija xokkanti li turi biċ-ċar arroganza u bruda lejn il-ħtiġijiet ta’ nies vulnerabbli. Persuni bi sfidi ta’ saħħa metali u f'qagħda
soċjali diffiċli jsofru minn stigma qawwija. Huwa fid-dover tal-istat li jippovidilhom l-għajnuna u d-dinjita' li jistħoqqilhom," qalet iċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci.
Gauci kompliet u qalet li l-istqarrija t' ABela turi d-distakk mir-realta' tan-nies vulnerabbli. Hi nnutat li kieku dan il-kliem intqal f'pajjiż ieħor, kien iwassal għal riżenja.