Jidher illi fl-2024, kien hemm total ta’ 788 persuna li nqabdu jsuqu vetturi li ma kinux koperti b’polza ta’ assigurazzjoni.
Dan in-numru jirappreżenta żieda min-numru ta’ nies li nqabdu fis-sena preċedenti, jiġifieri mill-2023.
Dil-informazzjoni hi meħuda minn mistoqsija parlamentari magħmula lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo.
Fil-mistoqsija tiegħu, Bartolo staqsa lill-Ministru biex “jgħid kemm inqabdu sewwieqa jsuqu mingħajr polza tal-assikurazzjoni minn uffiċjali tal-Pulizija, tal-LESA jew minn Transport Malta”.
Il-Ministru wieġeb billi pprovda tabella bil-figuri mitluba. Iżda huwa interessanti li wieħed jinnota li minkejja t-taħrikiet inħarġu minn uffiċjali ta’ tliet entitajiet, jiġifieri l-pulizija, il-LESA, u Transport Malta, iċ-ċifri ġew mis-sistema tal-LESA.
Dan jimplika li l-informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ taħrikiet tat-traffiku jinġabru fis-sistemi tal-LESA, hu min hu l-uffiċjal li ħareġ it-taħrika.
Għalkemm is-sena 2024 tirrapreżenta tnaqqis mis-sena rekord tal-2021, xorta waħda n-numri jirrappreżentaw żidiet gradwali sena b’sena.
Miċ-ċifri mogħtija, fis-sena 2020 kien hemm 227 taħrika lil sewwieqa li nqabdu jsuqu vettura mhux assigurata. Din iċ-ċifri splodiet fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2021, is-sena rekord miċ-ċifri pprovduti, fejn b’kollox ħarġu 939 taħrika.
Dan in-numru naqqas ġmielu fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2022, fejn b’kollox inħarġu 481 taħrika.
Dan in-numru reġa’ żdied sew fl-2023, fejn b’kollox ingħataw 763 taħrika, sakemm fl-aħħar, fl-2024, in-numru ta’ taħrikiet laħaq is-788, li hija żieda minima mis-sena ta’ qabel.
Barra min-numru ta’ persuni li nqabdu jsuqu vettura mhux assigurata bejn l-2020 u l-2024, il-Ministru ta wkoll in-numru ta’ nies li ġew immultati għax ħallew lil xi ħaddieħor isuqilhom il-vettura mingħajr ma jkunu koperti minn polza ta’ assigurazzjoni.
Iċ-ċifri pprovduti wkoll juru stampa interessanti fejn in-numru ta’ taħrikiet qed jiżdied sena b’sena.
Fil-fatt fil-bidu tal-informazzjoni pprovduta, jiġifieri fis-sena 2020, kien hemm b’kollox 35 taħrika ta’ din in-natura. Din żdiedet f’salt fis-sena ta’ wara, jiġifieri l-2021, fejn b’kollox ġew irreġistrati 191 taħrika.
Dan-numru naqas għal 104 taħrikiet fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2022, sakemm reġa’ żdied sinifikament fl-2023 għal 187 taħrika.
Fl-aħħar, fis-sena 2024, in-numru ta’ taħrikiet laħaq il-256 taħrika, li tagħmilha s-sena rekord fl-informazzjoni mogħtija mill-Ministru.