Il-MAPHM tgħid li l-proposta tal-ewtanażja volontarja assistita tikser l-etika medika

Il-MAPHM tippunta xi żballji fid-dokumenti ta’ konsultazzjoni rigward l-ewtanażja volontarja assistita (VAE)

Il-Malta Association of Public Health Medicine (MAPHM) għamlet reviżjoni tad-dokumenti ta’ konsultazzjoni rigward l-ewtanażja volontarja assistita u tinnotta xi żbalji importanti.

L-ewwel nett, l-assoċazzjoni tibda billi tgħid li t-terminoloġija użata hija waħda żbaljata. Dak li qed jiġi propost huwa “Physician Assisted Suicide”, li jfisser li l-proċess issir mill-pazjent stess jew minn persuna terza.

Din it-terminoloġija taqbel mad-definizzjonijiet mgħotija mill-World Medical Association u l-European Association of Palliative Care. Il-MAPHM tgħid li din il-proposta tikkontradixxi l-prinċipji mniżżlin fin-National Suicide Prevention Strategy 2025-2030.

Huma qalu li l-VAE hija xi ħaġa li kemm il-World Medical Association u l-European Association of Palliative Care jopponu, pożizzjoni li l-MAPHM iżomm. Dan għaliex kieku l-VAE tiġi introdotta, jkun hemm ċans li l-fiduċja tan-nies fl-esperti mediċi u l-kelma tagħhom tonqos.

L-assoċazzjoni tkompli u tgħid li hemm nuqqas t’informazzjoni kemm lokali u internazzjonali. Hi tispeċifika u tgħid li m’hemmx informazzjoni fuq liem imsieħba soċjali ġew ikkonsultati qabel il-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument.

Skonthom, rigward suġġett daqs hekk delikatt għandu jkun hemm konsultazzjoni minn esperti tal-mediċina, tal-liġi, tad-drittijiet umani, għaqdiet mhux governattivi, mexxejja spiritwali u rappreżentanti tal-pazjenti.

Huma saħqu wkoll li l-punt sabiex tisaħħaħ il-kura palljativa għandha tkun oġġettiv differenti u sakemm il-kura palljattiva timplementa l-istrateġija tan-National Palliative Care Strategy 2025-2023, proposti fuq il-VAE m’għandhomx jiġu kkunsidrati.

L-assoċazzjoni kkritikat ukoll il-metodu ta’ kif imut il-pazjent, injection ta’ mediċina letali. Data mill-Amerka turi kif kien hemm każijiet fejn il-pazjent qam sakemm l-injection bdiet taħdem u soffrew minn “stat t’aġittazzjoni”.

L-istess proposta tgħid li fuq iċ-ċertifikat tal-mewt ta’ persuna li għazlet li tmut bl-ewtanażja ħa jgħid li l-persuna mietet mewta naturali. Il-MAPHM opponiet għal dan u qalet li dan ħa jxekkel l-istatisiċi. 

Fost problemi oħra li semmgħiet l-assoċazzjoni hemm il-fatt li t-tobba mhux ħa jkunu obligati li jagħmlu l-ewtanażja u jistgħu jgħaddu lil pazjent lil tabib ieħor, in-nuqqas ta’ provisti legali għal direttivi ta’ kura avvanzata, safeguards u wkoll il-perċezzjoni pubblika fuq l-ewtanażja

More in Politika