Attakki ċibernetiċi żdiedu hekk kif Malta ħadet karigi ewlenin skont rapport tas-servizz sigriet
Impjegati fis-settur pubbliku f’Malta kienu fil-mira ta’ diversi attakki ċibernetiċi li ħabtu mas-sħubija ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-presidenza tagħha tal-OSCE, skont is-servizzi sigrieti.

minn Ilenia Debono

Impjegati fis-settur pubbliku f’Malta kienu fil-mira ta’ diversi attakki ċibernetiċi li ħabtu mas-sħubija ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-presidenza tagħha tal-OSCE, skont is-servizzi sigrieti.
Din l-informazzjoni ġiet mir-rapporti annwali tal-2023 u l-2024 tas-Servizz tas-Sigurtà ta’ Malta (MSS), ippreżentati fil-Parlament il-ġimgħa li għaddiet mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.
“Għalkemm m’hemm l-ebda evidenza diretta li torbot l-isforzi diplomatiċi ta’ Malta ma’ attakki speċifiċi, il-viżibilità ogħla u r-rilevanza ġeopolitika ta’ pożizzjonijiet meħuda minn Malta x’aktarx li kkontribixxew għal profil ta’ riskju ċibernetiku ogħla,” qal ir-rapport.
Matul dan il-perjodu, Malta esperjenzat “numru ta’ inċidenti ċibernetiċi”, inkluż attentati ta’ phishing immirati lejn impjegati tas-settur pubbliku, attakki b'ransomware fuq intrapriżi żgħar u medji, u attakki ta’ denial-of-service (DDoS) bl-għan li jfixklu temporanjament servizzi diġitali. Ir-rapport ma jidentifikax is-sors ta’ dawn l-attakki.
Malta kienet membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-2023 u fl-2024, fejn ħadet il-presidenza tal-istess kunsill fi Frar 2023 u f’April 2024. Matul l-2024, Malta ħadet ukoll il-presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE).
Ir-rapport tas-servizzi sigrieti rrimarka li l-maġġoranza tal-attakki kellhom skop finanzjarju jew maħsuba sabiex ifixklu s-servizz, aktar milli sabiex jinkiseb informazzjoni sensittiva tal-istat. “Madankollu, il-potenzjal għal theddid iktar sofistikat jenfasizza l-bżonn ta’ aktar viġilanza u investiment kontinwu fis-sigurtà ċibernetika,” wissiet l-MSS.
Ir-rapport qal li għalkemm teżisti theddida ta’ spjunaġġ ċibernetiku, hija ta’ “tħassib relattivament limitat”.
Xorta waħda, l-MSS wissiet li l-involviment ta’ Malta f’diskussjonijiet internazzjonali sensittivi bħar-regolamentazzjoni diġitali, il-protezzjoni tad-data u l-governanza tal-IA, jeħtieġ mezzi aktar siguri biex tipproteġi informazzjoni u komunikazzjoni kunfidenzjali.
“Li tinżamm l-integrità tal-komunikazzjonijiet kunfidenzjali u l-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet huwa essenzjali biex tinżamm il-fiduċja u l-kredibilità f’fora internazzjonali,” qalet l-MSS, iżda żiedet li ma sabet l-ebda evidenza li Malta kienet fil-mira direttament.
Ir-rapport irrimarka li Malta saħħet il-kapaċità operattiva tagħha biex taffaċċja theddid ċibernetiku, fosthom permezz tal-iżvilupp ta’ ċentri ta’ operazzjonijiet tas-sigurtà, espansjoni tan-netwerks ta’ qsim tal-informazzjoni u parteċipazzjoni f’eżerċizzji ta’ difiża ċibernetika mal-UE.
“Dawn l-inizjattivi għenu lil Malta tiżviluppa l-kapaċità li tiskopri, tirreaġixxi u tirkupra minn inċidenti ċibernetiċi b’mod effettiv,” qal ir-rapport.
Il-ġlieda kontra t-terroriżmu ‘prijorità assoluta’ għas-sigurtà nazzjonali
L-MSS qalet li fl-2024, Malta kellha livell baxx ta’ theddida terroristika. Ma kien hemm l-ebda informazzjoni li tissuġġerixxi li individwu jew grupp f’Malta jew barra kellhom “l-intenzjoni u l-kapaċità” li jwettqu att terroristiku f’Malta jew kontra interessi Maltin barra.
“Għaldaqstant, atti vjolenti ta’ terroriżmu huma possibbli imma mhux probabbli,” qalet l-MSS.
Minkejja dan, is-servizz sigriet xorta waħda ddedika proporzjon sinifikanti tar-riżorsi tiegħu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, u ddeskrivieha bħala “prijorità assoluta għas-sigurtà nazzjonali”.
Matul l-2024, erba’ persuni ġew mixlija b’akkużi relatati mat-terroriżmu, wara investigazzjoni mill-MSS.
F’Mejju 2024, ġuvni Malti ta’ 19-il sena ġie arrestat mill-pulizija suspettat li poġġa u sploda apparat splussiv magħmul id-dar barra l-kwartieri tal-Partit Laburista u ieħor barra spiżerija. Iż-żewġ apparati ma splodewx. Il-każ għadu għaddej, iżda psikjatri li xehdu fil-qorti qalu li kien f’qagħda ta’ ġenn meta tpoġġa l-bomba.
Il-pulizija sabet materjal splussiv fil-garaxx tiegħu u l-investigazzjonijiet żvelaw li kien qed jippjana biex jipproduċi u jqiegħed aktar apparati.
F’Lulju 2024, Sirjan li kien jgħix illegalment Malta ġie arrestat u nstab b' propaganda Jihadista fuq il-mowbajl tiegħu. Kien qiegħed ukoll iqassam materjal Jihadista fuq il-mezzi soċjali.
Xahar wara, Sirjan ieħor illegalment f’Malta, inqabad ukoll bil-propaganda Jihadista fuq il-mowbajl.
F’Ottubru 2024, raġel mill-Kosta tal-Avorju nstab jibgħat messaġġi fuq il-mezzi soċjali biex jinkoraġġixxi oħrajn jagħmlu attakki fil-Punent.
L-MSS qalet li minkejja li dawn ġew mixlija b’akkużi relatati mat-terroriżmu, ħadd minnhom ma wera karatteristiċi speċifiċi ta’ estremiżmu jew vjolenza.
Madankollu, l-MSS se żżomm għajn miftuħa, speċjalment f’oqsma fejn taħseb li hemm riskju għoli.
“Wieħed minn dawn l-oqsma li s-servizz jagħti attenzjoni sinifikanti huwa dak tar-radikalizzazzjoni b’mezzi differenti,” qalet l-MSS.
L-MSS ma bassritx bidla fil-livell ta’ theddida ta’ Malta għat-terroriżmu.
Mandati u droga
Ir-rapport qal li fl-2024, ġew maħruġa mandati ta’ interċettazzjoni f’operazzjonijiet kontra t-traffikar tad-droga, terroriżmu, ħasil ta’ flus, nies li jaħarbu mill-ġustizzja, kuntrabandu ta’ fuel, sigaretti u deheb, korruzzjoni u delitti oħra.
L-MSS għandha s-setgħa legali li tisma’ telefonati u twettaq operazzjonijiet intrużivi oħra biex tiġbor informazzjoni. Madankollu, il-mandati ta’ interċettazzjoni jridu jiġu ffirmati mill-Ministru għall-Intern.
Il-biċċa l-kbira tal-mandati kienu relatati mal-importazzjoni u t-traffikar tad-droga.
“L-informazzjoni li ġbarna wasslet għal interċettazzjonijiet importanti ta’ droga, arresti u akkużi fil-qorti kontra numru ta’ importaturi u traffikanti magħrufa,” qalet l-MSS, li żiedet li ffokat fuq gruppi prominenti fid-dinja tal-kriminalità organizzata responsabbli għall-importazzjoni regolari tad-droga.
L-MSS identifikat bħala l-akbar theddid għastabilità globali li tolqot lil Malta: il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, il-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestinjani, u s-sitwazzjoni fil-Libja.
“Is-sitwazzjoni politika u ta’ sigurtà fil-Libja u f’pajjiżi oħra fir-reġjun baqgħet instabbli matul l-2024, u għalhekk l-MSS kellha ssegwi mill-qrib dak li kien qed jiġri,” ikkonkluda r-rapport.

