Alex Borg jikkonferma li se jikkontesta fl-elezzjoni għall-Kap tal-PN

Alex Borg se jkun it-tieni kandidat li jikkontesta l-elezzjoni għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, wara li ħabbar uffiċjalment il-kandidatura tiegħu permezz ta’ post fuq Facebook nhar it-Tlieta

Borg, li ilu jitqies bħala wieħed mill-favoriti għall-kariga, qal li qed jieħu dan il-pass “b’sens ta’ dmir, responsabbiltà u umiltà.” Huwa enfasizza li l-impenn tiegħu fil-politika dejjem kien wieħed ta’ servizz: “Dħalt fil-politika biex naqdi, mhux biex inkun moqdi. U hekk se nibqa’ nagħmel tul il-vjaġġ politiku tiegħi.”

Fil-messaġġ tiegħu, Borg sostna li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ "bidla ġenerazzjonali" u li jerġa’ jsib "mentalità rebbieħa" biex ikun jista’ jservi aħjar lill-poplu Malti u Għawdxi.

Skont stħarriġ ippubblikat minn MaltaToday il-Ħadd li għadda, Borg jinsab fil-quċċata tal-popolarità fost il-membri tal-PN, b’23.2% jagħżluh bħala l-kandidat favorit għall-mexxej. Huwa għandu appoġġ qawwi b’mod partikolari fost il-membri iżgħar u ta’ età medja, kif ukoll fost dawk b’livell ta’ edukazzjoni ogħla.

Ilbieraħ, l-ex Kap tal-PN Adrian Delia wkoll ħabbar li se jkun qed jikkontesta għall-istess kariga. Din se tkun it-tielet darba li Delia jipparteċipa f’elezzjoni għall-mexxej tal-partit: rebaħ l-ewwel darba fl-2017 kontra Chris Said, iżda tilef fl-2020 kontra Bernard Grech.

 

More in Politika