Adrian Delia jikkonferma li se jikkontesta għall-kap tal-PN

Adrian Delia se jikkontesta għat-tielet darba għall-kariga ta’ kap tal-Partit Nazzjonalista, tliet snin wara li kien tneħħa mill-istess pożizzjoni -huwa qal li ħa d-deċiżjoni wara li sema’ x-xewqat tal-partitarj

Adrian Delia, l-eks kap tal-Partit Nazzjonalista, ikkonferma li se jkun qed jikkontesta għal darba oħra għall-kariga ta’ kap tal-PN — din tkun it-tielet darba li jipparteċipa f’tellieqa għal tmexxija tal-partit.

F’dikjarazzjoni fuq Facebook filgħodu, Delia qal li ħa d-deċiżjoni wara li sema’ lill-partitarji u sostenituri tiegħu jesprimu t-tamiet tagħhom għall-futur tal-PN. “Intom qsamtuni l-ħsibijiet tagħkom, it-tamiet tagħkom u x-xewqa li taraw partit b’saħħtu u magħqud – partit li jitla’ fuq id-diviżjonijiet interni, li jħaddan politika ġdida u jimxi b’kunfidenza lejn ir-rebħa,” kiteb Delia.

Huwa sostna li jinsab konxju tal-piż u r-responsabbiltà li ġġib magħha din id-deċiżjoni, iżda jemmen li l-partit jista’ jibda kapitlu ġdid. “Bl-għarfien tal-piż ta’ din ir-responsabbiltà, imma b’fiduċja li flimkien nistgħu niftħu paġna ġdida u nibdew kapitlu ġdid, għażilt li nerġa’ nqiegħed l-interessi tal-PN u tal-pajjiż l-ewwel,” tenna.

Delia kien l-ewwel elett kap tal-PN fl-2017 meta rebaħ kontra Chris Said fi tliet rawnds ta’ votazzjoni. Madankollu, it-tmexxija tiegħu kienet ikkaratterizzata minn kontroversji u qasma interna kbira fil-partit, li wasslet għal vot ta’ sfiduċja minn grupp ta’ deputati magħruf bħala l-‘Blue Heroes’.

Dan wassal biex Delia tilef il-kariga fl-2020, meta Bernard Grech ġie elett bħala kap ġdid f’elezzjoni straordinarja. Issa, hekk kif il-PN jiftaħ it-triq għal mexxej ġdid wara r-riżenja ta’ Grech, Delia qed jipprova jirkupra l-kariga u jerġa’ jmexxi lill-partit.

Jekk jirbaħ din it-tellieqa, din tkun it-tieni darba li jservi bħala kap tal-Partit Nazzjonalista. Il-kandidatura tiegħu mistennija tqajjem dibattitu intens dwar id-direzzjoni futura tal-partit u l-għaqda interna tiegħu.

More in Politika