Fanco Debono jsejjaħ għal politika ġdida u relevanti fil-partit Nazzjonalista

Franco Debono sostna li l-Partit Nazzjonalista għandu jfassal politika li tirrifletti l-ħtiġijiet tal-lum u taż-żmien li ġej

L-avukat  Franco Debono qal li wasal iż-żmien li l-Partit Nazzjonalista jerfa’ r-responsabbiltà li jifformula politika rilevanti għall-futur tan-nies, b’approċċ li jesplora rotot ġodda u jindirizza b’mod konkret l-isfidi tas-soċjetà moderna.

Debono tenna li mhux biżżejjed li l-politika tkun reattiva; jeħtieġ li tkun proattiva, b’viżjoni li twassal għal titjib reali fil-kwalità tal-ħajja. “Ejja nħarsu ‘l quddiem,” qal Debono, “ejja naħsbu kif nistgħu nfasslu politika li tgħin lin-nies, għaż- żmien li ġej.”

Debono enfasizza li s-soċjetà avvanzat ħafna f’ħafna aspetti, iżda issa wasal il-waqt li nistaqsu: fejn nistgħu intejbuha? Fost l-eżempji li semma, elenka b’mod ċar l-isfida tas-saħħa pubblika – kemm fil-kwalità tas-servizzi, kif ukoll f’oqsma  bħall-medical tourism, li qiegħed jissemma ħafna bħala opportunità ġdida għal Malta.

“Jeħtieġ li l-politika tagħna tmur lil hinn minn sempliċement reazzjoni għall-ilmenti. Trid toħloq viżjoni – politika strutturata – li tindirizza ħajja aktar b’saħħitha u b’lifestyle aħjar għall-poplu,” qal Debono.

Tema oħra li Debono ttratta kienet l-edukazzjoni – mhux biss bħala mezz biex wieħed isib xogħol, iżda bħala valur fih innifsu. Huwa wera t-tħassib tiegħu dwar nuqqas ta’ kultura ta’ qari fil-pajjiż, u qal li għandu jkun hemm politika ċara li timbotta lit-tagħlim bħala valur intrinsiku, mhux bħala mezz utilitarju biss.

“Kien hemm studju li juri li l-Maltin ma jaqrawx biżżejjed – u dan hu sinjal serju li rridu nindirizzaw bħala partit,” żied jgħid.

Debono sostna li l-futur irid jinkludi aspirazzjonijiet ċari u miżuri konkreti li jġibu miegħhom sens ta’ direzzjoni. Fl-istess ħin, wissa li ma jistax ikun hemm politika ta’ futur jekk il-governanza tajba ma tkunx pilastru ewlieni.

“Għandu jkun hemm liġi serja dwar il-finanzjament tal-partiti, u għandha tkun qed titħaddan b’mod tajjeb. Jiena kont wieħed minn dawk li bdew kampanja biex din il-liġi tidħol fis-seħħ,” tenna.

Debono temm b’riflessjoni fuq il-passat tal-partit, iżda bi twissija li għandom bżonn jiffukaw fuq il-ġejjieni: “Irridu nibnu fuq dak li għaddejna minnu, nitgħallmu, imma mhux ninqabdu fih” qal.

B’mod interessanti, semma wkoll suġġeriment li sar dalgħodu minn ħabib tiegħu – Mario de Marco - li l-Dar Ċentrali għandha possibilment tinbiegħ, u l-kwartieri tal-partit jiġu rilokati f’post iktar simboliku fil-Belt Valletta. “Nistaqsikom intom: taħsbu li dan hu pass li jagħmel sens?” staqsa.

More in Politika