Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ġibed l-attenzjoni fuq nuqqas ta' transparenza minħabba il-pubblikazzjoni tardiva tad-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-ministri tal-Kabinett tas-sena 2023. Barra minn hekk, il-Kummissjarju rrimarka li l-għażla tal-Prim Ministru Robert Abela li jiddevja mit-traduzzjoni, li tmur lura 30 sena, li jpoġġu d-dikrazzjonijiet fuq il-Mejda tal-Parlament iddgħajjef l-iskrutinju mill-pubbliku.
Il-kummenti u l-kritika tal-Kummissarju ġew wara l-ilment li sar f’Jannar mill-Professur Arnold Cassola, iċ-chairperson tal-Partit Momentum, li sostna li d-dikjarazzjonijiet, li bis-saħħa ta' prattika li ilha sseħħ is-snin dawn ikunu sottomessi fil-Parlament, kienu ilhom li kellhom jiġu ppreżentati.
Skont il-Kummissarju, id-dikjarazzjonijiet fl-aħħar ġew ippreżentati fil-Parlament fil-25 ta’ Jannar 2025, kważi sena wara meta kellhom jiġu sottomessi, u dan wara attenzjoni pubblika dejjem tikber lejn l-aħħar tas-sena 2024.
Mill-bidu tad-disgħinijiet, kienet teżisti prattika stabbilita fejn il-ministri u s-segretarji parlamentari jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tal-assi tagħhom lis-Segretarju tal-Kabinett, li mbagħad iwassalhom għand l-Ispeaker tal-Kamra sabiex jitressqu formalment fil-Parlament. Iżda dan il-proċess ma seħħx fl-2024.
Il-Prim Ministru sostna li l-Ministri xorta waħda wettqu l-obbligi tagħhom taħt il-Kodiċi tal-Etika billi ppreżentaw id-dikjarazzjonijiet sa tmiem Marzu. Iżda qal ukoll li m'hemm l-ebda obbligu legali biex dawn jitressqu fil-Parlament, minħabba l-fatt li l-“Manual of Cabinet Procedures” ma jsemmix espliċitament din il-ħtieġa.
Il-Kummissarju rrikonoxxa li d-dikjarazzjonijiet kollha ġew ippreżentati bejn l-20 u l-21 ta’ Jannar, ftit jiem qabel ma tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra mill-Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina.
Madankollu, il-Kummissarju osserva li n-nuqqas tal-Prim Ministru li jibgħathom lill-Ispeaker, kif kien jsir fil-passat, huwa devjazzjoni minn prattika stabbilita ta’ trasparenza.
Minkejja dan, il-Kummissarju xorta waħda għażel li ma jiftaħx investigazzjoni sħiħa, billi d-dikjarazzjonijiet kienu eventwalment ippreżentati, u għamel użu mill-poter diskrezzjonali tiegħu taħt l-Artikolu 17(3) tal-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Fl-istess ħin, il-Kummissarju żvela li ppreżenta proposti ta’ riforma lill-Prim Ministru biex jissaħħu l-prinċipji ta’ trasparenza. Dawn jinkludu rakkomandazzjonijiet sabiex id-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-ministri jkunu aċċessibbli għall-pubbliku b’mod awtomatiku, kif ukoll li s-sistema Maltija tkun allinjata mal-istandards internazzjonali tal-OECD u l-GRECO.