L-ADPD jgħidu li rridu ekonomija ġdida mhux 'bbażata fuq it-traffiku'

Sandra Gauci, iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party, tistqarr li rridu mmorru lil hinn minn ippjanar fit-terminu qasir u naħsbu f'soluzzjonijiet fit-tul • Tgħid ukoll li għandna bżonn ekonomija li ma tiddependix fuq l-użu ta' karozzi privati

Sandra Gauci waqt il-konferenza
Sandra Gauci waqt il-konferenza "Urban Malta Conference 2025" (Ritratt: ADPD)

Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party, Sandra Gauci, saħqet li hemm bżonn soluzzjonijiet fit-tul fejn jidħlu l-ekonomija u t-trasport fil-pajjiż, speċjalment biex l-użu tal-karozza privata titnaqqas bħalma qed jiġri f'pajjiżi u bliet oħrajn.

"Sfortunatament ħafna drabi joħorġu biss proposti short-term, li ma jħarsux fit-tul. Il-fatt li l-użu tal-karozza donnu se jibqa’ sovran, u prijorità fit-toroq fuq kull mezz ieħor ta’ transport juri kemm il-pjan tal-gvern huwa obsolet qabel biss ma’ jiġi implimentat", stqarret iċ-Chairperson tal-ADPD. "M'hemmx bżonn nivvintaw ir-rota, hemm diversi eżempji ta’ pajjiżi oħra Ewropej, inkluż ta’ bliet żgħar u medji, li nistgħu nadattaw għal pajjiżna. Il-pjan tal-gvern jinjora l-impatti tal-bidla fil-klima u l-effetti tal-vetturi fuq saħħitna."

Gauci bdiet titkellem waqt il-konferenza ‘Urban Malta Conference 2025’ organizzata mill-Malta Institute of Management, fejn ġie diskuss il-futur tal-ippjanar urban f’Malta.

Waqt il-konferenza, Gauci qalet li madwar id-dinja moderna l-użu tal-karozzi qed jonqos u mhux jiżdied, għall-kuntrarju ta' dak li jaħsbu n-nies. Il-problema mbagħad tiġi, kompliet iċ-Chairperson, li jekk ma jiġux implementati s-soluzzjonijiet illum qabel għada, is-soluzzjonijiet se jinħassu iktar ibsin milli verament huma: "aktar mal-gvern jipprokrastina aktar ikun hemm il-bżonn li jinħargu miżuri li fil-bidu jinħassu iebsa."

Gauci sostniet li għall-kuntrarju tal-inkwiet tan-nies, li mingħalihom li "l-ekonomija mhux se tikkrolla" jekk nibdew innaqqsu l-użu tal-karozzi privati, dat-tnaqqis malajr iġegħelna "nirrealizzaw li fiċ-ċokon ta’ pajjizna jista’ jkollna transport effiċjenti u sostenibbli, anke mingħajr karozzi privati li jieħdu l-ispazju prattikament kollu fit-toroq tagħna."

Fl-istess waqt, Gauci qalet li l-prosposti li qed joħroġ bihom il-Gvern mhumiex kuraġġużi biżżejjed biex iġibu l-bidlu u dawn qed iwasslu biex ħafna nies jeħlu fit-traffiku u jaħlu ħafna ħin minn ħajjithom.

Iċ-Chairperson tal-ADPD kompliet billi tenniet is-soluzzjonijiet għall-problema tat-trasport li ħarġu bihom l-ADPD, fosthom is-sistema ta' Bus Rapid Transit, b'korsiji dedikati apposta għalihom; trammijiet f’ċertu bnadi; iktar inċentivazzjoni għat-telexogħol kemm fis-settur privat kif ukoll fis-settur pubbliku; u toroq miftuħa biss għal karozzi li jkollhom aktar nies fil-karozza.

Proposti oħra jinkludu l-bżonn li noħolqu toroq sikuri għar-roti u l-pedelecs, u l-pedonalizzazzjoni tat-toroq, li tagħti t-toroq lura lin-nies, speċjalment familji bit-tfal u persuni vulnerabbli, u b'hekk issaħħaħ il-komunitajiet. 

"Il-pajjiż hemm bzonn li mhux biss jiżviluppa ekonomikament imma hemm bżonn li jiffunzjona. B’mobilità ibbażata fuq aktar u aktar traffiku ma’ jiffunzjonax”, temmet Gauci.

More in Politika