Il-Moviment Graffitti jisħqu li l-kampanja ta' Manoel Island ġibdet l-attenzjoni tal-entitajiet ewlenin

Il-Moviment Graffitti jsostni wkoll li m'hemm l-ebda bażi għall-estensjoni mitluba mill-MIDI u li anka jekk it-teħid lura tal-gżira se tiswa 'mijiet ta' miljuni', bħal kif saħaq il-Prim Ministru Robert Abela, il-poplu xorta waħda ħa jiffranka l-miljuni fuq infiq mediku

Il-Gżira Manoel (Ritratt: Moviment Graffitti)
Il-Gżira Manoel (Ritratt: Moviment Graffitti)

Il-Moviment Graffitti sostnew li l-fatt li kemm il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-MIDI Mark Portelli kkummentaw pubblikament dwar il-futur ta’ Manoel Island, jindika li l-kampanja “Manoel Island: Post Għalina” hija ta' suċċess u li saret tant kampanja b'saħħitha li ma tistax tiġi injorata.

Bi kważi 12,000 firma f’seba’ ġimgħat, il-kampanja issa saret leħen qawwi favur il-ġid komuni. Fl-istess nifs, l-għaqda ċivili rrimarkat fuq il-kummenti li taw kemm Abela, kif ukoll Portelli.

Fil-fatt, il-Moviment Graffitti tefgħu dubju fuq l-istqarrija tal-MIDI, fejn sostnew li l-konsorzju għandu dritt għal estensjoni ta’ 10 snin fil-kuntratt tal-Gżira Manoel. Din l-estensjoni hija minħabba, fi kliem il-Kap Eżekuttiv, "dewmien fil-proċess tal-ippjanar u stħarriġ arkeoloġiku."

Iżda, qalet l-organizzazzjoni, dan id-dritt jidher li m'għandux bażi, hekk kif il-masterplan attwali tressaq fl-2017, tmien snin ilu. "Dan jagħmilha impossibbli li jippretendu estensjoni ta’ 10 snin ibbażata fuq dewmien minn dakinhar ’l hawn", stqarret l-għaqda ċivili.

Fl-istess ħin, il-Moviment Graffitti stiednu lill-MIDI biex jippubblikaw ir-raġunament tagħhom wara dal-argument.

Barra minn hekk, l-organizzazzjoni nongovernattiva daret fuq l-istqarrijiet ta' Abela, fejn il-Prim Ministru ddikjara li biex Manoel Island terġa’ tiġi lura għand il-pubbliku dan ħa jkun jiswa "mijiet ta’ miljuni".

Madankollu, qed isostnu l-Graffitti, il-kampanja qatt ma talbet għal esproprjazzjoni iżda għal negozjar ġdid tal-kuntratt ibbażat fuq il-klawżoli preżenti fil-kuntratt. Dan għaliex il-kuntratt inkwistjoni jagħti ċerti poteri lill-Gvern dwar estensjonijiet.

U apparti hekk, l-għaqda ċivili rribattiet l-argument tal-Prim Ministru li t-teħid lura tal-Gżira Manoel "ma jkunx l-aħjar użu tal-flus tat-taxxi." Il-Graffitti sostnew li jekk il-Gżira Manoel tingħata lura lill-pubbliku, dan se jwassal biex il-poplu jiffranka l-miljuni fi nfiq mediku.

L-interess leġittimu tal-MIDI li tagħmel il-profitti u tagħti ritorn fuq l-investiment tax-shareholders tagħhom għandu jkun ikkunsidrat. Iżda dan ma jistax ikun ta' prijorità ogħla mill-obbligu tal-Parlament lejn il-popolazzjoni. Il-parlament huwa responsabbli għal dawk li jħallsu t-taxxi – u l-użu ta’ spazji pubbliċi huwa każ ċar fejn il-ġid pubbliku għandu jvinċi.

More in Politika