Jidher illi l-implimentazzjoni tal-bring-in sites madwar Malta mhuwa xejn konsistenti, hekk kif ċerti lokalitajiet m’għandhom lanqas bring-in site wieħed filwaqt li lokalitajiet oħrajn għandhom iktar minn kemm hemm bżonn.
Dil-informazzjoni ħarġet minn mistoqsija parlamentari li għamlet il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli.
Fil-mistoqsija, Buttigieg talbet lill-Ministru biex “tipprovdi n-numru ta’ bring-in sites eżistenti u n-numru ta’ siti previsti skont ir-regolamenti għal kull kunsill lokali”.
Fit-tweġiba tagħha, Dalli poġġiet tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li turi kemm hemm bżonn bring-in sites f’kull lokalità u kemm hemm installati diġà.
Is-sitwazzjoni f’Għawdex: erba’ lokalitajiet minn 14 biss mhux moqdijin, inkluż ir-Rabat
Minn stħarriġ magħmul minn dil-gazzetta, jidher li l-lokalitajiet Għawdxin huma moqdijin kważi biżżejjed mill-bring-in sites, hekk kif tliet lokalitajiet biss huma neqsin minn dan is-servizz.
Iżda għal xi raġuni, jidher li r-Rabat, li huwa l-ikbar raħal f’Għawdex, għandu biss bring-in site wieħed meta, skont l-informazzjoni mogħtija mill-Ministru, teħtieġ mill-inqas tlieta.
Is-sitwazzjoni f’Malta: ċerti lokalitajiet mimlijin bring-in sites u oħrajn b’lanqas wieħed
L-istorja f’Malta, però, hija waħda differenti. Mill-istħarriġ li għamlet dil-gazzetta joħroġ li wħud mil-lokalitajiet f’Malta mhux talli għandhom biżżejjed bring-in sites, iżda talli għandhom saħansitra ħafna iktar minn kemm fil-verità jeħtieġu.
L-iktar raħal li huwa emblematiku ta’ din ix-xejra huwa San Ġwann li suppost jeħtieġ seba’ bring-in sites ... iżda għal xi raġuni għandu 19 installati. Dan huwa iktar mid-doppju tal-ammont li huwa meħtieġ.
Irħula oħrajn li jagħmlu parti minn dix-xejra jinkludu Pembroke, li minn bring-in site wieħed meħtieġ għandhom seba’; Ħaż-Żebbuġ li għandu sitt bring-in sites meta jeħtieġ biss wieħed; u Ta’ Xbiex li minn wieħed biss li għandu bżonn għandu erba’.
Min-naħa l-oħra, hemm numru ta’ rħula li huma batuti fejn jidħlu l-bring-in sites installati, bl-iktar raħal li jispikka huwa San Pawl il-Baħar. Dan ir-raħal suppost għandu 16-il bring-in site installat ... iżda għandu biss wieħed bħalissa, minkejja li huwa l-iktar raħal ippopolat f’Malta.
Warajh hemm Birkirkara li għandu biss tliet bring-in sites installati minn 12 li huma meħtieġa; Il-Mosta li suppost għandu 11 installati iżda lanqas għandu wieħed installat; u Ħal Qormi u Tas-Sliema li t-tnejn suppost għandhom disgħa installati u s’issa għandhom biss tlieta.
Il-maġġoranza tal-lokalitajiet fid-distrett tal-Ministru moqdijin
Jidher illi l-maġġoranza tal-lokalitajiet fid-distrett tal-Ministru Dalli, bl-eċċezzjoni ta’ żewġ irħula, għandhom biżżejjed bring-in sites installati.
Dawn l-irħula huma Birżebbuġa, li għandha sitt bring-in sites u tirrikjedi sitta; Il-Qrendi li għandha bżonn wieħed biss iżda għandha ħamsa installati; l-Imqabba li tirrikjedi wieħed u għandha tnejn installati; u Ħal Kirkop u Ħal Safi li għandhom bżonn wieħed u għandhom wieħed installat.
Iż-żewġ irħula li għandhom nuqqas ta’ bring-in sites huma Ħal Luqa, li għandu bżonn tlieta iżda għandu tnejn, u ż-Żurrieq, li minn sitta li jeħtieġ għandu biss tnejn.