Moviment Graffitti joħroġ filmat li juri l-ħsara li tista' ssir f'Kemmuna

L-għaqda ċivili tippubblika filmat fejn tintervista żewġ organizzazzjonijiet ambjentali dwar ħsarat li kkawżaw f’Ibiża l-istess kumpanija li tixtieq tiżviluppa lukanda u vilel f’Kemmuna

Immaġini tal-proġett f'Kemmuna
Immaġini tal-proġett f'Kemmuna

Il-Moviment Graffitti ħareġ filmat li jikxef il-ħsara li tista' sseħħ f'Kemmuna jekk il-proposta ta’ Hili għal lukanda u vilel fir-riżerva naturali ta’ Kemmuna tiġi approvata mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Fil-filmat, l-organizzazzjoni tkellem lir-rappreżentanti ta' żewġ għaqdiet ambjentali li joperaw f'Ibiża fejn kixfu l-ħsara kkawżata mill-franchise ta’ żvilupp lussuż Six Senses f’post ekoloġikament sensittiv ieħor.

"Fl-2023, kien ġie mħabbar li l-iżvilupp propost ta’ Hili f’Kemmuna kien se jkun parti mill-franchise ta’ Six Senses, f’dikjarazzjoni mimlija kliem fieragħ dwar sostenibbiltà u rispett lejn in-natura," spjegat l-għaqda ambjentali.

Għalhekk il-Moviment Graffitti tkellem ma’ żewġ attivisti ambjentali f’Ibiża, fejn qasmu mal-organizzazzjoni l-esperjenza tagħhom mal-istess franchise.

L-attivisti qalu kif "l-istess kliem fieragħ u wegħdiet sbieħ kienu ntużaw minn Six Senses biex jippromwovu l-iżvilupp ta’ lukanda fuq il-gżira tagħhom."

Iżda ladarba tlesta l-iżvilupp, l-affarijiet inbidlu għalkollox, tant li, skont l-attivisti intervistati, il-franchise "bdiet taħtaf l-ispazji pubbliċi u tniġġes l-inħawi, b’detriment għar-residenti u għall-ambjent naturali."

Il-Moviment Graffitti qed targumenta li dan l-iżvilupp, fejn ħa jinbnew 16-il villa bil-pixxini, flimkien ma’ moll u stabbilimenti kummerċjali, ħa jkollu konsegwenzi serji fil-Bajja ta' Santa Marija u l-bqija ta' Kemmuna fl-istess ħin.

Fil-fatt, l-għaqda qalet li "l-użu intensifikat ta’ din iż-żona... se jittrasforma l-Bajja ta’ Santa Marija f’villaġġ esklussiv li jkun okkupat is-sena kollha."

Dan huwa partikolarment importanti meta nżommu f'moħħna li Kemmuna hija sit tan-Natura 2000 u żona ta’ valur ekoloġiku u soċjali kbir. Għalhekk, qed issostni l-għaqda ambjentali, il-Bord tal-Ippjanar għandu jirrifjuta dal-proġett biex il-wirt naturali ta' Kemmuna jiġi protett.

Intanti, l-Moviment Graffitti qed jisħaq ukoll li "l-Awtorità tal-Ippjanar injorat numru bla preċedent ta’ oġġezzjonijiet għal dan l-iżvilupp, kif ukoll il-pariri ta’ esperti ambjentali, billi rrakkomandat l-approvazzjoni ta’ dan il-kumpless li se jkun operat mill-istess kumpanija Six Senses."

Qalu wkoll l-iżvilupp, flimkien mal-attività kummerċjali li ħa jiġġenera, ma ġiex evalwat biex jaraw jekk huwiex kumpatibli mal-ambjent fejn se jsir. L-organizzazzjoni qed tallega li l-fatt li qed tikkunsidra tapprova l-proġett, "l-Awtorità tal-Ippjanar reġgħet uriet kemm hija lesta tbaxxi rasha għar-regħba korporattiva, a skapitu tan-nies u n-natura tal-Gżejjer Maltin."

L-Awtorità tal-Ippjanar mistennija tiddeċiedi dwar il-proposta nhar il-Ħamis, 24 ta’ April. Tistgħu taraw il-filmat tal-Moviment Graffitti hawnhekk.

More in Politika